Thomas Markle, missier Meghan, id-Dukessa ta’ Sussex, tpoġġa taħt arrest fir-residenza għall-anzjani fejn jgħix fi Florida, wara li ġie mixli bil-pussess ta’ materjal li juri abbuż sesswali fuq it-tfal.
Markle, li għandu 82 sena, ġie arrestat fi Florida wara li tressqet kontrih akkuża federali dwar allegat pussess ta’ immaġini li juru abbuż sesswali fuq minuri, skont informazzjoni maħruġa mid-Dipartiment tal-Ġustizzja tal-Istati Uniti.
Id-Dipartiment tal-Ġustizzja qal li Markle qed jiffaċċja akkuża waħda relatata mal-pussess ta’ immaġini indiċenti ta’ tfal. Fil-passat, Markle kien ċaħad allegazzjonijiet simili, u kien iddeskrivihom bħala “gideb moqżież”.
Waqt seduta fil-qorti li damet madwar 30 minuta nhar il-Ġimgħa, il-qorti ordnatlu wkoll li jkun suġġett għal monitoraġġ elettroniku. Madankollu, waqt is-seduta ma ngħatat l-ebda tweġiba formali għall-akkużi.
Skont l-aġenziji tal-aħbarijiet Internazzjonali l-akkużi kontrih ġew spjegati mill-prosekutur federali Courtenay Derry.
Markle ddaħħal fl-awla fuq siġġu tar-roti, akkumpanjat minn żewġ uffiċjali tal-Amerikani. Huwa kien liebes qalziet iswed u flokk iswed.
S’issa, id-Duka u d-Dukessa ta’ Sussex ma għamlu l-ebda kumment dwar l-arrest ta’ Markle.




