Wednesday, March 27, 2024

Tibda ħajja professjonali sportiva fil-Ġermanja wara rekords nazzjonali fil-javelin, hammer u shot up

Aqra wkoll

Kif għażilt l-atletika fost minjiera ta’ sport ieħor? 

Nista’ ngħid li minn etá żgħira kont esposta għal diversi tipi ta’ sport. Missieri huwa persuna sportiva ħafna għalhekk kienet xi ħaġa naturali li beda jħeġġiġni biex nipprattika l-isport.

Sakemm kelli 13-il sena pprattikajt diversi dix­xip­lini ta’ sport differenti, fosthom l-għawm, arti marzjali, tennis u żfin. 

Fl-2016 ġejt imħajra minn żewġ għalliema li kelli tal-edukazzjoni fiżika biex nibda nipprattika l-atletika. Fl-ewwel xhur fit- trakka tal-Marsa kont qed nipprattika l-ġiri fuq distanzi qosra. Kien hawn li l-coach li kelli Zeljko Aras beda jintroduċini għad-dixxiplini tat-tfigħ (throws). Minn hemm qatt ma ħarist lura. Kif jgħidu l-Ingliżi: I got hooked!

Ta’ kemm bdejt tipprattika l-atletika?

Bdejt nipprattika l-atletika meta kelli 13-il sena. Għamilt tliet xhur nittrenja u niġri distanzi qosra (60m, 100m u 200m), u waqaft u bdejt nipprattika it-tfigħ mal-coach Genci Dapi.

X’ħeġġek l-iktar biex tibda tipprattika dan l-isport?

Minn dejjem kont inħobb nipprattika l-atletika l-iskola u ta’ bniedma sportiva u kompetittiva li jien, kont nieħu l-attivitajiet atletiċi tal-iskola b’serjetá kbira. Kont inkun nistenna b’ħerqa kbira l-jum li l-iskola kienet torganizza li Sports Day. Nista’ ngħid li l- iskola kebbsitli l-ewwel xrar ta’ mħabba lejn l-atletika.

Min kienet dik il-persuna li ispiratek biex tagħżel l- atletika?

Kienu Ms Amanda Dimech u Ms Brenda Muscat, żewġ għalliema tal-edukaz­zjoni fiżika fl-iskola Sacred Heart, fejn kont nattendi,  li mbuttawni biex nibda nieħu l-atletika bis-serjetá. 

F’liema kompetizzjoni­jiet irrapreżentajt lil Malta barra minn xtutna?

Fortunantament kelli bosta opportunitajiet fejn irrapreżentajt lil Malta fl- atletika. L-ewwel waħda memorabbli kienet il-European Kids Athletics Games, f’Brno, fl-2017 fir-Repubblika Ċeka. Wara din il-kompetizjoni ħadt sehem f’żewġ COJI Games li saru fi Sqallija fl-2018 u f’Corsica fl-2019 kif ukoll ħadt sehem fil-Logħob tal-FISEC li saru f’Genk, il- Belġju fl-2018. 

Iżda nista’ ngħid li l-aktar kompetizzjoni li kont kburija li rraprezentajt lil pajjiżi kien waqt il-Euro­pean Team Championships fl-2019 fil-Kroazja fejn għall-ewwel darba fil-karriera tiegħi tlajt mat-team tal-kbar. 

F’Marzu 2021 kelli wkoll ix-xorti li nifformi parti mit-team nazzjonali tat-tfigħ fejn attendejna għall- European Throwing Cup fi Split, il-Kroazja.

Liema kien l-aħjar riżultati fil-karriera tiegħek sa issa?

Sa dan l-istaġun, qed inżomm ir-rekord nazzjonali fil-javelin fil-kategorija tas-16 u t-18-il sena. Għandi wkoll ir-rekord nazzjoniali fix-shot put (3kg) fil-kategorija ta taħt is-16-il sena kif ukoll dak ta’ taħt it-18-il sena, li rnexxieli niksru dan l-istaġun stess b’distanza ta’ 13.42m. 

Rekord ieħor għal qalbi hu dak tax-shot put (4kg), kategorija ta’ taħt l-20 sena li kien ilu ma jinkiser għal 41 sena sħaħ. 

Fil-European Throwing Cup 2021, li saret fi, Split il-Kroazja, irnexxieli nwaq­qaf rekord nazzjonali ta’ taħt l-20 sena fid-dixxiplina tal-hammer.

Għandek xi ħolma li tixtieq tikseb fl-atletika?

Ħolm għandi ħafna. Jekk atleta ma joħlomx, żgur li l-miri tiegħu ma jkunux għoljin. Xewqat kbar għandi tnejn. L-ewwel waħda diġá bdejt ngħixha u nwettaqha, meta f’Ottubru li għadda bdejt ħajja ta’ atleta professjonali f’Mannheim, il-Ġermanja, taħt il- gwida ta’ wieħed mill- aqwa coaches Ewropej, Khalid Alqawati. 

Dan l-isport illum il- ġurnata sar parti integrali minn ħajti u għalhekk huwa xieraq li nagħtih il-ħin kollu li jixraqlu biex b’hekk żgur inkun nista’ nsir atleta aħjar. 

It-tieni ħolma hi li nkun nista’ nirrapreżenta lil pajjiżi f’kompetizzjonijiet internazzjonali fuq mertu tiegħi u mhux b’xi wild card. Dan ikun ifisser li l-livell tiegħi ikun tajjeb biżżejjed li nirrappreżenta lil Malta fl-ogħla u l-aqwa livell possibli.

X’sagrifiċċji u impenji jitlob l-isport li int tipprattikka? 

Kulmin jieħu l-isport bis-serjetá, dan awtomatikament ifisser sagrifiċċji kbar. Illum il-ġurnata li qed ngħix ħajja ta’ sportiva professjonali ġewwa l- Ġermanja tfisser dedikaz­zjoni assoluta lejn dan l-isport li tant inħobb. Apparti t-taħriġ, tnejn jew tliet darbiet kuljum, irrid nieħu ħsieb it-tisjir u t-tindif tad-dar illum li qed ngħix waħdi. Mhux faċli fejn wara tant snin li kont insib l-affarijiet lesti id-dar, issa rrid naħseb kollox għal rasi. Li tgħix waħdek ġo pajjiż fejn ma taf lil ħadd u f’sitwaz­zjoni kerha ta’ pandemija, żgur li mhux faċli. 

Bla dubju, żewġ persuni li jagħmlu s-sagrifiċċji miegħi, hemm ukoll il-ġe­nituri tiegħi … iż-żewġ pilastri tiegħi. Missieri joħlom l-istess ħolm tiegħi u iktar u ommi tgħini nżomm saqajja mal-art. 

Għalkemm l-atleti li tikkompeti magħhom huma wkoll ħbieb tiegħek, ninsab persważ li jidħol ukoll ċertu sens ta’ kompetizzjoni fejn wieħed ikun irid jikseb ħin aħjar mill-ieħor. X’tikkummenta?

Ħafna minn sħabi l-atleti jipprattikaw dixxiplini differenti minn tiegħi fl-atletika. Fil-kategorija tiegħi fid-dixxiplina tax-shot put u dik tal-hammer ftit għandi kompetizzjoni minħabba nuqqas ta’ atleti u kien proprju għal din ir-raġuni li ddeċidejt li nitlaq kollox warajja Malta u mmur ngħix, nitħarreġ u nikkompeti ġewwa l-Ġermanja.

Imma nassigurak li l-akbar avversarju tiegħi waqt kull kompetizzjoni tkun id-distanza. Waqt kompetizzjoni ma nibqa’ nara xejn ħlief fejn irrid inwassal ix-shot put jew il-hammer u l-element ta’ kompetizzjoni jkun proprju mie­għi nnifsi. 

Peró, illum il-ġurnata naħseb li bil-pass li ħadt li ġejt hawn il-Ġermanja, żgur li ser insib iktar atleti ta’ livell biex nikkompeti magħhom. 

X’kompetizzjonijiet prinċipali se tieħu sehem fihom fil-futur qrib? 

Nispera li s-sena 2022 tkun sena li fiha l-attivita­jiet sportivi ma jsofrux kaw­­ża tal-pandemija. Jien qed inħares b’ħerqa għall- kompetizzjonijiet l-aktar importanti tal-atletika f’paj­jiżna fejn fosthom se  jkollna l-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar, f’Ġunju li ġej.

Kompetizzjonijiet oħra importanti li qed nimmira għalihom huma l-European Throwing Cup, Mediterranean Games, U/20 World Championships u Summer Balkan Games.

Tista’ tgħaddi messaġġ lil dawk it-tfal u żgħażagħ li qegħdin jaħsbuha bis- serjetà li jibdew jipprattikaw l-atletika?

Importanti ħafna li kull min ser jibda jipprattika l-atletika, jagħmel dan għax tkun togħġbu u jieħu pjaċir biha u mhux għax ikun imġiegħel jipprattikaha. Qed ngħid hekk għax meta jiġi ż-żmien tas-sagrifiċċju, tibda tiddejjaq tipprattika dan l-isport. 

L-atletika hija sport solitarju fejn l-uniku appoġġ tiegħek ikun il-coach. Żgur li dan l-isport jgħinek tikber kemm fiżikament kif ukoll mentalment. 

Ngħidilkom biss li l-ferħ u s-sodisfazzjoni tas-suċ­ċess huwa wieħed indes­krivibbli.

Li ttejjeb il-wirjiet hija sfida fiha nnifisha li tagħtik il-kuraġġ taħdem iktar.

Dan l-isport hu mera tal-ħajja; falliment żgħir żgur li mhux it-tmiem ta’ kollox, anzi, hu l-bidu ta’ ġlieda u sfida ġdida biex tkompli ttejjeb lilek innifsek!

Ekonomija

Sport