Tuesday, April 1, 2025

Tibda l-kumpilazzjoni fil-konfront ta’ infermier Indjan li ħebb għal infermiera Indjana

… il-vittma tispjega li hi u l-imputat għadhom ħbieb u li tixtieq taħfirlu

Aqra wkoll

Quddiem il-Maġistrat Astrid May Grima bdiet il-kumpilazzjoni tal-provi fil-konfront ta’ infermier mill-Indja ta’ 36 sena akkużat li attakka b’sikkina tal-isptar lil infermiera ta’ 41 sena, ukoll mill-Indja, fl-Isptar Mater Dei.

Fil-Qorti, il-vittma spjegat li hi u l-akkużat għadhom ħbieb u li għal din ir-raġuni xtaqet li taħfirlu u twaqqaf il-każ. Dan filwaqt li saħqet li ma tistax taħseb f’raġuni waħda għala l-akkużat ħebb għaliha bis-sikkina u kkaġunalha ġrieħi f’idha.

Meta l-Prosekuzzjoni mmexxija mill-Ispettur Michael Vela staqsiet dwar il-ġrieħi, l-infermiera spjegat li fil-parti ta’ fuq ta’ idha t-tobba għamlulha xi punti. Qalet ukoll li aktar tard se jkollha bżonn il-fiżjoterapija għax sarilha ħsara fit-tendon.

Min-naħa tiegħu, l-Ispettur Vella qal li mill-investigazzjonijiet, il-Pulizija rriżultalha li l-akkużat u l-vittma jaħdmu fl-istess sala f’Mater Dei u ġieli ħarġu flimkien bħala ħbieb. Qal li meta l-Pulizija tkellmu mal-mara qalet li meta spiċċat ix-xift tagħha marret iġġib il-ġakketta miċ-‘changing rooms’ u x’ħin daret sabet lill-imputat ma’ wiċċha u dan allegatament taha daqqtejn ta’ sikkina tal-isptar f’idha.

Ingħad li r-raġel kien ġie arrestat mir-residenza tiegħu fil-Gżira. Fi tmiem il-kawża, il-Maġistrat Grima qalet li semġħet biżżejjed provi biex tqiegħed lill-akkużat taħt att ta’ akkuża biex jgħaddi ġuri.

Il-Qorti ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest tal-akkużat iżda laqgħet it-talba li ressqet id-difiża biex jinħatar l-espert mediku Mario Scerri biex jeżamina lill-vittma u jistabbilixxi in-natura tal-ġrieħi tagħha u l-permanenza tagħhom.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport