Tiddaħħal b’mod permanenti skema ta’ rifużjoni għall-akkomodazzjoni ta’ Għawdxin maqbudin Malta minħabba sospensjoni tas-servizz tal-vapur

Aqra wkoll

Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri ħabbar li ddaħħlet b’mod permanenti l-iskema ta’ akkomodazzjoni għall-Għawdxin maqbudin f’Malta minħabba s-sospensjoni tas-servizz tal-vapur f’każ ta’ maltemp estrem. Din il-miżura, li kienet imwiegħda fil-manifest elettorali, iddaħħlet fl-ewwel 100 jum tal-leġiżlatura l-ġdida, u tkompli tirrifletti l-impenn tal-Gvern li jindirizza l-isfidi partikolari li jiffaċċjaw ir-residenti Għawdxin.

Il-Ministru Clint Camilleri stqarr li din l-iskema qed issir waħda permanenti, biex jitnaqqas il-piż finanzjarju fuq il-familji Għawdxin f’ċirkostanzi li mhumiex fil-kontroll tagħhom. “Meta s-servizz tal-Gozo Channel jiġi sospiż minħabba kundizzjonijiet estremi tat-temp, residenti Għawdxin jistgħu jispiċċaw maqbudin Malta u jkollhom isibu akkomodazzjoni minn buthom. Bħala Gvern u Ministeru konna diġà qed nassistu f’ċirkostanzi bħal dawn. Illum qed nagħmlu pass ieħor billi ndaħħlu din l-għajnuna b’mod permanenti, sabiex Għawdxin affettwati ma jkollhomx jerfgħu waħedhom piż finanzjarju li jirriżulta minn sitwazzjoni li ma setgħux jikkontrollaw.”

Residenti Għawdxin se jkunu jistgħu japplikaw għal rifużjoni tal-ispejjeż eliġibbli tal-akkomodazzjoni online permezz ta’ MyGozo App, fuq mygozo.gov.mt/?form=emergency_accomodation_scheme, bl-eID fuq servizz.gov, jew mill-Hub ta’ servizz.gov fi Pjazza San Franġisk, ir-Rabat.

L-applikanti għandhom iżommu l-irċevuti uffiċjali tal-akkomodazzjoni u d-dokumenti meħtieġa, jimlew l-applikazzjoni u jissottomettu d-dokumentazzjoni kollha fiż-żmien stipulat. L-iskema tkopri akkomodazzjoni f’lukandi, hostels u stabbilimenti oħra liċenzjati, skont it-termini u l-kundizzjonijiet tal-iskema.

Il-Ministru Clint Camilleri temm jgħid li din il-miżura tikkonferma l-impenn tal-Gvern li jkun qrib l-Għawdxin f’sitwazzjonijiet eċċezzjonali għaliex il-prijorità tibqa’ li jkun żgurat li l-ebda resident Għawdxi ma jġorr piż finanzjarju minħabba ċirkostanzi li mhumiex fil-kontroll tiegħu. Din l-iskema tirrifletti l-impenn tal-Gvern li jkun hemm għall-Għawdxin.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport