Ir-relazzjoni tal-ġenituri mal-ulied fil-perjodu tal-adoloxxenza

Tikteb Sharon Grima

Aqra wkoll

Meta t-tfal jidħlu fl-età tal-adolexxenza, ħafna ġenituri jibdew iħossu li r-relazzjoni tagħhom ma’ uliedhom qed tinbidel. 

Il-komunikazzjoni tonqos, jibdew ifittxu aktar l-ispazju tagħhom u mhux dejjem ikun faċli għall-ġenituri li jifhmu dak li jkunu għaddejjin minnu. Xi drabi, anke sempliċi konverżazzjoni tista’ twassal għal nuqqas ta’ qbil. Dan jista’ jwassal lill-ġenituri jistaqsu lilhom infushom x’sar mir-relazzjoni li darba kienet tant spontanja u għaliex uliedhom donnhom m’għadhomx jafdawhom kif kienu jagħmlu qabel.

Iżda ħafna drabi, wara din l-imġieba ma jkunx hemm nuqqas ta’ rispett jew indifferenza. Aktarx ikun hemm żagħżugħ jew żagħżugħa li qed jippruvaw jifhmu min huma, filwaqt li qed jaffaċċjaw sfidi emozzjonali u soċjali li llum huma aktar kumplessi minn qatt qabel.

Diversi studji juru li wieħed mill-aktar fatturi importanti għall-benesseri emozzjonali tal-adolexxenti huwa r-relazzjoni li jkollhom mal-ġenituri jew ma’ dawk li jieħdu ħsiebhom. Fil-fatt, kull ġenitur jixtieq li uliedhom iħossuhom komdi jduru lejh meta jkunu qed jesperjenzaw inċertezza, dwejjaq, konfużjoni jew diffikultajiet fil-ħajja.

Madankollu, il-ġenituri tal-lum qed jaffaċċjaw realtà differenti minn dik ta’ ġenerazzjonijiet ta’ qabilhom.

L-adolexxenti qed jikbru f’dinja fejn il-midja soċjali hija parti integrali mill-ħajja ta’ kuljum. Il-paragun ma’ oħrajn qatt ma jieqaf, filwaqt li ħafna jħossu pressjoni kontinwa biex jidhru kuntenti, ta’ suċċess u dejjem f’kontroll tal-emozzjonijiet tagħhom. Ma’ dan jiżdiedu l-istress tal-istudju, l-inċertezza dwar il-futur, l-ansjetà u sentimenti ta’ solitudni li qed jaffettwaw dejjem aktar żgħażagħ.

Għal xi wħud, ikun aktar faċli jfittxu kenn fil-midja soċjali jew saħansitra fl-intelliġenza artifiċjali milli jiftħu qalbhom ma’ persuna oħra, speċjalment jekk fil-passat ħassewhom iġġudikati jew li s-sentimenti tagħhom ma ngħatawx l-importanza li jistħoqqilhom.

Fl-istess waqt, anke il-ġenituri għandhom il-pressjonijiet tal-ħajja. Ix-xogħol, il-piż finanzjarju, il-ħtiġijiet tal-familja u l-impenji ta’ kuljum ħafna drabi jħallu biss ftit spazju għal mumenti ta’ kwalità flimkien ma’ uliedhom. B’hekk, mingħajr ma wieħed jinduna, ir-rabta bejn il-ġenituri u l-ulied tista’ tibda tiddgħajjef.

Huwa għalhekk importanti li l-ġenituri jieqfu għal mument u jirriflettu fuq il-mod kif qed jersqu lejn uliedhom. Fil-ħajja ta’ kuljum, il-mod kif inkellmuhom u nisimgħuhom jagħmel differenza kbira. Xi drabi, mingħajr ma nindunaw, il-komunikazzjoni magħhom tispiċċa ddur aktar fuq dak li għandhom jagħmlu jew fejn żbaljaw, milli fuq dak li qed iħossu u dak li għandhom xi jgħidu.

Dawn jistgħu jidhru affarijiet żgħar, iżda huma proprju dawn il-mumenti ta’ kuljum li jibnu relazzjoni soda. 

Tislima, tbissima, li nisimgħuhom meta jkunu qed jitkellmu, li nqattgħu ftit ħin magħhom jew li nuru interess f’dak li jħobbu. Dawn il-ġesti sempliċi jwasslu messaġġ importanti: “Int importanti għalija.”

The Gottman Institute ilu jisħaq li relazzjonijiet b’saħħithom jinbnew meta l-interazzjonijiet pożittivi jkunu ferm aktar minn dawk negattivi. Dan japplika wkoll fir-relazzjoni bejn il-ġenituri u uliedhom.

Waħda mill-akbar sfidi għall-ġenituri hija li jirreżistu t-tentazzjoni li minnufih jagħtu l-parir, ifittxu s-soluzzjoni jew jibdew jiprietkaw. Ħafna drabi, dak li l-adolexxenti jkollhom bżonn mhuwiex li xi ħadd isolvilhom il-problema, iżda li jħossuhom mismugħa u mifhuma. Xi kultant, frażi sempliċi bħal “Nifhem li din qed tkun diffiċli għalik” tista’ tagħmel differenza akbar minn kull parir.

Bħalma adult ikun aktar lest li jisma’ lil persuna li tifhmu u tappoġġjah, hekk ukoll adolexxent ikun aktar miftuħ biex jisma’ lill-ġenituri tiegħu meta jħossu li qed jiġu mifhuma l-emozzjonijiet tiegħu u mhux biss l-imġiba tiegħu.

Ħafna mill-imġiba li nsejħulha “diffiċli” hija, fil-verità, espressjoni ta’ emozzjonijiet li ż-żgħażagħ għadhom qed jitgħallmu kif jikkontrollaw.

Il-ġenituri jistgħu jagħmlu differenza kbira jekk jippruvaw jifhmu aktar milli jikkontrollaw, jevitaw kunflitti bla bżonn u juru interess sinċier f’dak li qed jgħixu uliedhom. Fl-istess ħin, huwa importanti li jirrispettaw l-indipendenza li qed tiżviluppa, jiskużaw ruħhom meta jkun hemm bżonn u jfakkru lill-ulied li l-imħabba tagħhom mhijiex marbuta mal-kisbiet jew mal-imġiba perfetta.

Huwa importanti wkoll li jinħolqu opportunitajiet biex il-familja tqatta’ ħin ta’ kwalità flimkien u biex iż-żgħażagħ iħossuhom liberi jitkellmu dwar it-tħassib tagħhom mingħajr biża’ li jiġu ġġudikati jew miċħuda.

Barra minn hekk, il-ġenituri għandhom jgħinu lill-ulied jagħrfu li emozzjonijiet diffiċli huma parti naturali mill-ħajja u fl-istess ħin jinkoraġġuhom jiżviluppaw strateġiji b’saħħithom biex ilaħħqu magħhom, bħall-irqad tajjeb, l-attività fiżika, il-kitba, eżerċizzji tan-nifs, il-ħiliet biex isolvu l-problemi u li jfittxu l-għajnuna meta jkun hemm bżonn.

Relazzjoni soda bejn il-ġenituri u l-adolexxenti ma tinbeniex fuq il-perfezzjoni jew il-kontroll. Tinbena fuq il-fiduċja, il-konsistenza, il-paċenzja, il-kapaċità li tissewwa relazzjoni wara nuqqas ta’ qbil u, fuq kollox, il-preżenza emozzjonali.

Wara ħafna mill-imġiba li tidher diffiċli ma jkunx hemm adolexxent li qed jipprova jagħmel il-ħajja diffiċli lill-ġenituri tiegħu, iżda żagħżugħ jew żagħżugħa li huma stess qed jgħaddu minn żmien diffiċli.

Fl-aħħar mill-aħħar, dak li l-adolexxenti għandhom bżonn aktar minn kull ħaġa oħra huwa li jkunu jafu li, minkejja l-kunflitti, l-iżbalji jew il-mumenti ta’ diffikultà, ir-rabta mal-ġenituri tagħhom tibqa’ waħda stabbli u sigura. Iridu jħossuhom mismugħa, mifhuma u aċċettati kif inhuma.

Meta żagħżugħ iħossu emozzjonalment sigur u tassew mifhum, ikun aktar probabbli li jerġa’ jfittex lill-ġenituri tiegħu, mhux għax ikun obbligat jagħmel hekk, iżda għax ikun jaf li jista’ jkun hu nnifsu. U din hija l-fiduċja li kull ġenitur jittama li jibni ma’ wliedu.

Sharon Grima hija waranted counsellor u membru tal-Malta Association for the Counselling Profession (MACP).

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport