Tifla ta’ 3 snin sofriet ġrieħi serji hekk kif il-vettura li kienet fiha spiċċat involuta f’ħabta fi Triq il-Kappuċċini, Ħaż-Żabbar.
Il-Pulizija fi stqarrija qalu li l-inċident seħħ għall-ħabta ta’ nofsinhar.
Il-Pulizija marret minnufih fuq il-post u minn stħarriġ preliminari rriżulta li kienet seħħet ħabta bejn Toyota Aygo misjuqa minn mara ta’ 41 sena residenti Ħal Qormi u vann Peugeot Expert misjuq minn Kolombjan ta’ 23 sena residenti l-Gżira.
Fit-Toyota, kien hemm ukoll mara ta’ 23 sena u tgħix Ħaż-Żabbar kif ukoll tifla ta’ 3 snin, filwaqt li fil-Peugeot kien hemm ukoll Kolombjan ta’ 30 sena residenti Tas-Sliema.
Fuq il-post issejjaħ tim mediku u ambulanza ħadet lill-mara ta’ 23 sena u t-tifla l-Isptar Mater Dei għall-kura. Aktar tard, it-tifla ġiet iċċertifikata li sofriet ġrieħi serji filwaqt li l-mara ġiet iċċertifikata li sofriet ġrieħi ħfief.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.
