Sunday, November 24, 2024

Tiġrijiet nazzjonali u tradizzjonali ta’ Santa Marija

Aqra wkoll

Ilbieraħ fl-okkażjoni tal-Festa ta’ Santa Marija, kumitat inkarigat mit-tiġrijiet taż-żwiemel fi ħdan is-Soċjetà Filarmonika Leone, organizza sensiela ta’ tiġrijiet Tradizzjonali u Nazzjonali tal-Bhejjem. It-tiġrijiiet saru fit-toroq prinċipali tal-qalba tal-Rabat, Għawdex kif tradizzjonalment kienu u għadhom isiru.

Fil-fatt, il-Barrakka, fin-naħa ta’ fuq ta’ Triq ir-Repubblika, jingħad li fi-żmien il-kavallieri r-remissa ta’ din il-barrakka kienet tintuża bħala stalla biex iżommu ż-żwiemel tagħhom. Jingħad ukoll li kien hemm garigor u bokkaport illi jagħti għal fuq fejn kien ikun hemm il-palijiet għal-rebbieħa tat-tiġrijiet. Dan l-istess post kien jintuża wkoll minn fejn il-Gvernatur li kien jara t-tiġrijiet u jippreżenta l-palju lir-rebbieħ ta’ kull tiġrija. Sal-lum dan il-post għadu jintuża għall-istess skop, fosthom rappreżentanti tal-poplu, għall-ġurija ta’ dawn it-tiġrijiet. kif ukoll għat-tqassim ta’ premju lir-rebbieħa. Maż-żminijiet id-drawwiet inbidlu, il-premji m’għadhomx ikunu xi palju jew trofew iżda oġġetti bżonjużi għad-dilettanti taż-żwiemel.  

It-tluq taż-żwiemel sar minn ħdejn is-centre strip f’nofs Triq Fortunato Mizzi tul Triq ir-Repubblika sa Pjazza Indipendenza (it-Tokk), ħdejn il-barrakka kien hemm il-finishing point. Il-prepazzjonijiet f’dawn it-toroq saru matul il-lejl tal-Ġimgħa sas-Sibt filgħodu. Fl-imgħoddi kien jitpoġġa ħabel twil mal-pilastri tal-injam matul it-triq kollha, biex dawk preżenti ikunu jistgħu jsegwu dak li ikun għaddej, fil-preżent għal aktar sigurtà, tpoġġew blokki kbar tal-konkos u folji tal-marine plywood marbuta magħhom. Matul il-jum tas-Sibt it-toroq kienu miftuħin normali, iżda ngħalqu fit-3.30 p.m. xħin f’tarf it-triq prinċipali u t-toroq tal-madwar bdew jaslu ż-żwiemel kemm minn Malta kif ukoll minn Għawdex li jipparteċipaw fit-tiġrija. Fost folla numeruża mal-5.30 p.m. bdiet l-ewwel tiġrija.

B’kollox kien hemm 47 tigrija f’4 taqsimiet, 11 shetland, 4 tal-galopp, 13 tat-trott, 15 tal-ponijiet, kien hemm open race għal tat-trott bid-dahar kif ukoll 3 challenge cup ta’ trott. Fost ir-regolamenti għal dawn it-tiġrijiet kien hemm li l-ġerrej xħin ikun isuq ikun liebes libsa ta’ ġerrej u kif ukoll ilbies protett filwaqt li l-frostini huma projbiti.

Il-Kumitat Organizzattiv ta’ dawn it-tiġrijiet tal-bhejjem irringrazzja lill Ministeru għal Għawdex kif ukoll lil dawk kollha li b’xi mod jew ieħor taw is-sehem tagħhom biex dawn it-tiġrijiet ta’ Santa Marija kienu ta’ suċċess.
 
Ritratti: JOE GRECH

Sport