Tuesday, May 21, 2024

Tintlaqa’ t-talba ta’ Victoria H. biex isiru club membru tal-MFA

Aqra wkoll

Victoria Hotspurs se jkunu qed jipparteċipaw f’kompetizzjonijiet organizzati mill-Malta Football Association hekk kif  it-talba tagħhom biex jissieħbu bħala club membru ġiet approvata, proprju lbieraħ, mill-Assemblea Ġenerali Straordinarja tal-Malta FA li saret fis-sala ewlenija tas-Centenary Stadium.

Kien hemm 41 vot favur u 11 kontra. Dan ifis­ser li Victoria Hotspurs se jingħaqdu ma’ Dingli Swallows, Għaxaq, Kalkara United, Mdina Knights, Mqabba, Sta Venera Lightnings, St George’s, Siġġiewi u Ta’ Xbiex fl-Amateur League 2.

Fit-2 ta’ Ottubru 2023, Victoria Hotspurs, club affiljat mal-Gozo Football Association, ressaq talba lill-Malta FA biex isir membru sħiħ tagħha. Din it-talba ġiet diskussa f’numru ta’ okkażjonijiet fil-livell tal-Bord Eżekuttiv. Fost l-oħrajn, il-Bord Eżekuttiv ikkonferma li l-club applikant jissodisfa r-rekwiżiti formali stabbiliti taħt l-Artikoli 9 u 10 tal-Istatut.

Fil-laqgħa tiegħu tal-5 ta’ Marzu 2024, il-Bord Eżekuttiv iddeċieda li suġġett għas-sottomissjoni ta’ talba bil-miktub minn VHFC biex jirtira mis-sħubija mal-Gozo Football Association, kellha tissejjaħ b’mod immedjat l-Assemblea Ġenerali Straordinarja mill-Bord Eżekuttiv tal-Malta FA biex tiġi diskussa u jittieħed vot fuq talba ta’ ammissjoni minn Victoria Hotspurs u mill-MFA.

Victoria Hotspurs, li twaqqfu fl-1948,  huma wieħed mill-aktar clubs ta’ suċċess f’Għawdex, meta rebħu l-kampjonat 13-il darba, darbtejn il-GFA Cup u disa’ darbiet il-GFA Super Cup fost unuri oħra. 

Dan l-istaġun, ħadu sehem fit-Tieni Diviżjoni tal-Gozo Football League u rebħu l-kampjonat flimkien man-Knock-Out tat-Tieni Diviżjoni kif ukoll iċ-Challenge Cup tal-istess diviżjoni. 

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport