Tuesday, May 21, 2024

UCL: Kollox inċert bejn Bayern Munich u Real Madrid

Aqra wkoll

Bayern Munich ……..2

Real Madrid …………2

Meta ntlagħab l-ewwel leg tal-ewwel semi-finali tal-UEFA Champions League, Bayern Munich u Real Madrid spiċċaw fi draw ta’ 2-2 biex kollox għadu miftuħ hekk kif it-tieni leg se jintlagħab, fit-8 ta’ Mejju, għand Real. 

Kienu Bayern li ħarġu fuq l-offensiva u wara biss 40 sekonda setgħu fetħu l-iskor iżda l-goalkeeper, Andriy Lunin, wettaq save kbir fuq Leroy Sane.

Fl-10 minuta, reġgħu res­qu ferm viċin meta, minn 40 metru bogħod, Harry Kane qabad lill-goalkeeper Madrilen barra minn postu u pprova jil­lobja l-ballun iżda niżel fuq ix-xibka minn barra.  

Żewġ minuti wara, il- Ġermaniżi reġgħu heddew iżda Jamal Musiala falla l-mira b’xutt mid-distanza.

Fl-20 minuta, Antonio Rudiger antiċipa fil-ħin li Sane wara li ġie żmarkat minn Kane.

Madankollu, erba’ minuti wara, kontra x-xejra tal-logħob, Real Madrid fetħu l-iskor meta Toni Kroos għadda through-pass bejn iż-żewġ difensuri ċentrali ta’ Bayern,  Leon Goretzka u Eric Dier,  lejn Vinicius Jr li waħdu quddiem il-goalkeper, Manuel Neuer, xeħet il-ballun fir-rokna tax-xibka.

Tliet minuti wara, Ba­yern appellaw għal penalty meta Lucas Vazquez deher jagħmel kuntatt ma’ Sane b’dan tal-aħħar jaqa’ mal-art iżda kien kollox normali għar-referee.

Fl-40 minuta, il-Bavarjani ngħataw free-kick li minnu Kane xeħet ftit barra.

Seba’ minuti mill-ftuħ tat-tieni taqsima, Neuer kien providenjzali għal Bayern meta evita goal ċert billi xeħet f’corner ix-xutt imdawwar ta’ Kroos.

Żewġ minuti wara, il-Bavarjani kisbu d-draw b’xutt ta’ Leroy Sane minn pożizzjoni angolata.

U proprju tliet minuti wara, huma marru fil-vantaġġ meta ngħataw penalty wara li Jamal Musiala ġie mwaqqa’ minn  Lucas Vaz­quez fil-kaxxa … biex mill-11-il metru Kane xeħet lil Lunin fuq in-naħa l-ħażina.

Wara dan il-goal, Real Madrid ippruvaw iwettqu reazzjoni u xeħtu kollox fuq l-attakk u fit-80 minuta  reġa’ kien Neuer li salva fuq Vinicius Jr. wara li ġie żmarkat mis-sostitut Luka Modric.

Iżda tliet minuti wara, il-goalkeeper Ġermaniż ma seta’ jagħmel meta l-istess Vinicius Jr skorja mill-11-il metru, b’xutt ċentrali, meta li Real rebħu penalty wara li Kim Min-jae waqqa’ lil Rodrygo fil-kaxxa.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport