Tuesday, April 22, 2025

Tirritorna r-raba’ edizzjoni tal-Fireworks & Gastronomy Festival fil-Munxar

Aqra wkoll

Il-Ministru għal Għawdex u l-Ippjanar Clint Camilleri u s-Segretarju Parlamentari Alison Zerafa Civelli flimkien mal-Kunsill Lokali tal-Munxar ħabbru li fil-25 ta’ April li ġej mis 7:30pm ’il quddiem se tiġi ċċelebrata r-raba’ edizzjoni tal-Munxar Fireworks & Gastronomy Festival. Dan il-festival sar appuntamenti annwali fil-kalendarju kulturali Għawdxi, u joffri taħlita sabiħa ta’ kultura, gastronomija u spettaklu pirotekniku.

Il-Ministru Clint Camilleri, faħħar din l-inizjattiva u qal li, “Permezz ta’ din l-inizjattiva mhux biss se nkunu qed niċċelebraw edizzjoni oħra tal-Munxar Fireworks & Gastronomy Festival, iżda wkoll il-passjoni, il-kreattività u l-identità unika tagħna bħala poplu Għawdxi u Malti. Din ir-raba’ edizzjoni hija xhieda ċara tal-impenn biex inkomplu nippromwovu t-talent tagħna – kemm fil-qasam kulturali, kif ukoll f’dak turistiku u gastronomiku.”

Min-naħa tagħha, is-Segretarju Parlamentari Alison Zerafa Civelli qalet li l-Munxar Fireworks & Gastronomy Festival issa daħal fil-kalendarju tal-attivitajiet tal-Kunsill Lokali tal-Munxar. Hija rrimarkat kif il-Kunsill Lokali għar-raba’ darba applika sabiex permezz ta’ skema maħruġa apposta għall-attivitajiet kulturali bbenefika minn fondi għal din l-attività.

Il-festival jinkludi spettaklu ta’ mużika live minn gruppi rinomati li se joffru esperjenza unika ta’ mużika sinkronizzata mal-logħob tan-nar tal-ajru – spettaklu li jgħaqqad l-arti piroteknika mal-mużika f’armonija spettakolari. Il-baned stabbiliti u l-kmamar tan-nar lokali se jkomplu juru t-talent tagħhom f’din l-arti tradizzjonali li tgħaqqad il-passat mal-preżent.

Il-gastronomija se tkun ukoll fiċ-ċentru tal-festival, b’ikel tradizzjonali Malti ppreparat minn chefs lokali li se jesprimu l-kreattività tagħhom fuq diversi stalls – togħmiet li jqanqlu memorji u joħolqu esperjenzi ġodda għall-viżitaturi.

Il-Ministru Clint Camilleri rringrazzja lis-Segretarjat Parlamentari għall-Gvern Lokali għall-għajnuna finanzjarja u lill-Kunsill Lokali tal-Munxar li qed jagħmlu dan il-festival possibbli. Huwa sostna li l-Gvern kommess li jibqa’ jagħti sostenn sabiex aktar nies jagħżlu lil Għawdex tul is-sena kollha. Huwa temm billi ħeġġeġ lil kulħadd sabiex jattendi għal dan il-festival mhux biss bħala attività ta’ divertiment iżda bħala ċelebrazzjoni tal-identità, tal-ħidma kollettiva u tal-kultura tagħna.

Għal aktar informazzjoni wieħed jista’ jidħol fuq https://eventsingozo.com/event/fireworks-gastromony-festival/.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport