Wednesday, April 24, 2024

Tissaħħaħ il- kollaborazzjoni bejn Malta u l-Estonja fil-qasam edukattiv

-Iffirmat ftehim bejn l-Awtorita’ Maltija għall-Edukazzjoni Avvanzata u Ogħla MFHEA u l-Awtorita` Estonjana

Aqra wkoll

It-Tlieta wara nofsinhar, fil-belt kapitali Estonjana, Tallinn, ġie ffirmat ftehim ta’ kollaborazzjoni bejn l-Awtorita’ Maltija għall-Edukazzjoni Avvanzata u Ogħla MFHEA u l-Awtorita’ Estonjana HAKA. Dan il-ftehim se jagħmilha possibbli biex iż-żewġ awtoritajiet jaħdmu aktar flimkien, jieħdu sehem anki fi proġetti internazzjonali u jaqsmu l-esperjenzi tagħhom f’diversi oqsma. 

Il-ftehim ġie ffirmat minn Dr Rose Anne Cuschieri, Kap Eżekuttiv tal-MFHEA u Dr Heli Mattisen, Direttur ta’ HAKA fil-preżenza, fost l-oħrajn tal-Ambaxxatur ta’ Malta għall-Estonja u l-Finlandja Dr Kenneth Vella, u s-Segretarju Permanenti fi ħdan il-Ministeru ta’ l-Edukazzjoni, Sport, Żgħażagħ, Riċerka u Innovazzjoni, s-Sur Matthew Vella.

Filfatt, din il-ġimgħa, delegazzjoni ta’ uffiċjali edukattivi Maltin qiegħda iżżur dan il-pajjiż fit-Tramuntana tal-Ewropa li fl-aħħar test internazzjonali li sar mal-istudenti magħruf bħala PISA, ġiet l-ewwel fl-Ewropa u fost l-aqwa tmien pajjiżi fid-dinja.

“Mingħajr dubju din iż-żjara qiegħda isservi mhux biss biex niddiskutu d-diversi inizjattivi li ż-żewġ pajjiżi qed jieħdu fil-qasam edukattiv iżda anki biex flimkien ma’ kollegi tagħna Estonjani nesploraw opportunitajiet ġodda ta’ kollaborazzjoni f’dan il-qasam, anki fix-xhur u s-snin li ġejjin. L-ftehim li ġie ffirmat bejn MFHEA u HAKA huwa xhieda ta’ dan u jikkonferma l-politika tagħna li nkomplu nsaħħu is-settur tal-edukazzjoni avvanzata u ogħla. Dan għax nemmnu bi sħiħ li f’dan il-qasam Malta tista sservi bħala hub fil-Mediterran. Barra dan, din iż-żjara hija opportunita` wkoll biex niddiskutu t-transformazzjoni li għaddejjin minnha bħalissa ż-żewġ pajjiżi fil-qasam edukattiv, kif ukoll l-Istrateġja Nazzjonali tal-Edukazzjoni 2024-2030 li tħabbret dan l-aħħar f’pajjiżna, l-użu tat-teknoloġija diġitali fl-edukazzjoni, it-taħriġ tal-edukaturi, is-sapport lit-tfal qabel waqt u wara l-ħin tal-iskola u anki l-manutenzjoni u l-amministrazzjoni tal-iskejjel. Nirringrazzja lill-ambaxxatur ta’ pajjiżna għall-Estonja u l-Finlandja Kenneth Vella u lill-kollegi Estonjani mill-Ministeru tal-Edukazzjoni u Education Estonia li għamlu din iż-żjara possibli,” tenna s-Segretarju Permanenti Matthew Vella. 

Min naħa tiegħu, l-Ambaxxatur Vella stqarr li ż-żjara tad-delegazzjoni Maltija fl-Estonja mhux biss tikkonferma r-relazzjoni eċċellenti bejn iż-żewġ pajjiżi iżda tixhed ukoll il-koperazzjoni kontinwa fil-qasam edukattiv li ntlaħqet fl-aħħar snin bejn iż-żewġ pajjiżi.

“F’dan is-sens inkun qiegħed nonqos jekk ma nagħmilx referenza wkoll għall-MOU li kien ġie ffirmat bejn il-MEDAC, fi ħdan l-Universita’ ta’ Malta u l-Iskola tad-Diplomazjija Estonjana ftit tax-xhur ilu, l-introduzzjoni tar-risors 99math f’Malta, il-kollaborazzjoni bejn l-Universita’ ta’ Tartu u dik ta’ Malta, id-diversi żjarat ta’ edukaturi Maltin fil-belt ta’ Parnu u ta’ edukaturi Estonjani f’Malta u ż-żjara ta’ uffiċjali tal-MFHEA f’Tallinn immexxija mis-Sur Lawrence Azzopardi f’Diċembru li għadda. Din tal-aħħar kienet kruċjali wkoll biex nibdew id-diskussjonijiet u jiġi ffirmat l-MOU bejn MFHEA u HAKA. Aktar inizjattivi bejn iż-żewġ pajjiżi, mhux biss fil-qasam edukattiv iżda anki oħrajn fil-qasam tat-turiżmu, sport, kultura u gastronomija se jitħabbru fil-ġimgħat li ġejjin,” ikkonferma l-ambaxxatur Vella.

Iż-żjara tad-delegazzjoni Maltija tissokta wkoll illum fejn id-delegazzjoni ġiet mistiedna żżur il-belt ta’ Tartu li din is-sena hija l-belt Ewropea tal-Kultura u anki l-Universita’ ta’ Tartu, ikkunsidrata fost l-aqwa fil-kontinent tagħna. Hawnhekk l-uffiċjali Maltin se jkollhom laqgħat fost l-oħrajn ma’ uffiċjali mill-kunsill lokali tal-belt u l-ogħla uffiċjali tal-Universita`.

Waħda mit-temi diskussi se tkun l-involviment tal-kunsilli lokali fl-amministrazzjoni tal-iskejjel u l-ħidma li qiegħed issir mil-lat ta’ riċerka u kultura.  Iż-żjara tintemm il-Ħamis fejn id-delegazzjoni Maltija żżur aktar istituzzjonijiet edukattivi f’Tallinn u anki jkollha laqgħat ma’ esperti Estonjani fil-qasam tal-edukazzjoni, riċerka, innovazzjoni u teknoloġija diġitali.  

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport