Friday, April 26, 2024

Bilanċ xieraq bejn l-ambjent u d-delizzji

Aqra wkoll

F’pajjiż fejn l-interess fl-ambjent ta’ madwarna kull ma jmur qed jiżdied, ninsabu f’salib it-toroq. 

L-ambjent mibni f’pajjiżna kiber, u għaldaqstant in-nies qed ifittxu l-ambjent naturali dejjem aktar. Imma issa rridu nisbu bilanċ bejn it-tgawdija tal-ambjent naturali u l-ħarsien tal-ambjent. 

Bħala kandidata għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew, qed niltaqa’ ma’ ħafna nies li qed jirrakkontawli ċirkostanzi fejn ġew f’konflitt dirett jew inkella ħassewhom skomdi bis-sorveljanza kbira li sabu fl-ambjent naturali. Il-preżenza dejjem tikber ta’ Rangers fil-kampanja, anke fi propjetà privata fejn m’hemmx illegalità, titlob diskussjoni serja dwar kif nistgħu nilħqu bilanċ xieraq.

F’Malta, din il-problema ssir aktar evidenti meta nqisu l-għażla bejn li wieħed jipprattika d-delizzji tradizzjonali u li wieħed iħares l-ambjent. Mhux għax waħda teskludi lill-oħra, imma għax biex tipprattika delizzju, ma tistax tkun f’ambjent li tħossok sorveljat iżżejjed. 

Din mhix kwistjoni ġdida, imma issa aktar minn qatt qabel, hemm bżonn nindirizzawha b’mod serju u tanġibbli. Li Rangers jaċċessaw propjetà privata b’raġuni ta’ ħarsien ambjentali tqajjem konflitti li nemmen li jistgħu jiġu evitati. 

Kif? Billi nistabilixxu u nikkomunikaw regoli definiti u trasparenti li jindirizzaw is-setgħa li għandhom dawn ir-Rangers, sabiex kulħadd ikun jaf eżatt fejn jistgħu jmorru u x’ma jistgħux jagħmlu.

Ħa nkun ċara: dawk li jipparteċipaw f’affarijiet li jistgħu jkunu ta’ detriment għall-ambjent għandhom ikunu mwaqqfa u għandhom isegwu prattiċi sostenibbli li jillimitaw l-impatt negattiv fuq l-ambjent. F’ebda ħin mhu aċċettabbli li xi ħadd jikser il-liġi bl-iskuża li jinsab f’art privata. U ħadd m’għandu jgħid li art hija privata jekk m’għandux it-titolu legali ta’ dik l-art. 

Min-naħa l-oħra, hemm bżonn li nkunu ferm aktar ċari dwar il-preżenza ta’ Rangers fil-kampanja. Huwa imperattiv li ssir distinzjoni ċara bejn il-ħtieġa leġittima ta’ sorveljanza ambjentali u l-invażjoni mhux ġustifikata tal-privat. 

Dan  jista’ jsir permezz ta’ politika ċara u linji gwida li jkunu ikkmunikati sew. Isir bil-kollaborazzjoni bejn l-awtoritajiet u l-komunitajiet lokali, u b’kampanji ta’ edukazzjoni. B’hekk nemmen nistgħu inaqqsu t-tensjonijiet, nippromwovu l-koperazzjoni, u tassew ingawdu l-ambjent naturali tagħna.

Sport