Friday, December 13, 2024

Tissokta t-tfittxija għal tifel ta’ ħames snin li waqa’ f’bir fil-Marokk

Aqra wkoll

Ħaddiema tas-salvataġġ għadhom għaddejjin bit-tfittxijiet tagħhom biex jaslu għal ħdejn tifel ta’ ħames snin li t-Tlieta li għadda waqa’ f’bir qrib il-belt Marokkina ta’ Chefchaouen. 

It-tifel, li ġie identifikat bħala Rayan, kien irrappurtat li qed jilgħab viċin ta’ dan il-bir u huwa mifhum li waqa’ madwar 32 metru minn fetħa dejqa. Wara jiem ta’ tħaffir, għad fadal biss tliet metri oħra iżda qed jingħad li hemm ir-riskju ta’ valanga.

Għalhekk bħala prekawzjoni qed jitħaffer “xaft parallel” ħdejn il-bir biex jilħqu lit-tifel li s’issa l-isforzi li saru jidhru li qed ikunu ta’ suċċess.

“Is-salvataġġ tat-tifel qed joqrob,” qal il-kelliem tal-Gvern Marokkin Mustapha Baitas il-Ħamis filgħaxija. “Qalbna huma mal-familjari tiegħu u qed nitolbu li t-tifel jerġa’ lura magħhom kemm jista’ jkun malajr.”

Minkejja l-waqa’, filmati minn kamera li tniżżlet fil-bir urew li t-tifel għadu ħaj u f’sensieh għalkemm jidher li qed isofri minn xi ġrieħi ħfief f’rasu.

Il-ħaddiema tas-salvataġġ niżżlu maskra tal-ossiġnu, ikel u ilma fil-bir u tim mediku jinsab ukoll fuq il-post, lest biex jagħti l-kura lit-tifel. Fuq il-post wasal ukoll ħelikopter biex jieħdu lit-tifel l-Isptar ġaladarba jkun inħareġ mill-bir. 

Ekonomija

Sport