Sunday, December 22, 2024

Tista’ tapplika għal tal-Linja Card bla ħlas sal-aħħar ta’ Frar

Aqra wkoll

Wara taħditiet mal-operatur tat-trasport pubbliku, il-Ministeru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi qiegħed iħabbar inizjattiva li permezz tagħha se tingħata eżenzjoni tal-miżata amministrattiva lil kull min japplika għal tal-Linja Card matul ix-xahar ta’ Frar.

Għalhekk, kull min m’għandux tal-Linja Card, issa se jkollu l-opportunità li jakkwista dan id-dokument bla ħlas u jibda jibbenefika mis-servizzi ta’ trasport pubbliku b’xejn għal kulħadd. 

Dan il-pass jingħaqad ma’ sensiela ta’ deċiżjonijiet strateġiċi li huma kollha immirati biex ikun inċentivat dejjem iktar l-użu ta’ trasport alternattiv.

F’Ottubru 2022, il-Gvern beda jagħti s-servizz tal-karozzi tal-linja b’xejn lil kulħadd. Din il-miżura ewlenija kellha l-għan li tkattar kuxjenza favur l-użu tat-trasport pubbliku. Dakinhar Malta kienet saret it-tieni pajjiż fl-Ewropa fejn it-trasport pubbliku huwa b’xejn.

B’din id-deċiżjoni bdew isiru ħafna iktar vjaġġi bit-trasport pubbliku. Fil-fatt, l-istatistika uffiċjali turi li n-numru ta’ persuni li użaw is-servizz tal-karozzi tal-linja fl-2023 kiser ir-rekord preċedenti u laħaq is-67.3 miljun, żieda qawwija fuq id-49.6 miljun passiġġier fl-2022. Fl-assenza ta’ dan is-servizz, ħafna minn dawn il-vjaġġi probabbilment kienu jsiru bil-karozzi privati. 

Mit-Tnejn li għadda, il-Gvern beda jagħti wkoll bla ħlas is-servizz tat-trasport bil-ferry fil-Port il-Kbir u l-użu tal-lift fil-Belt Valletta. Din il-bidla ambjentali b’ruħ soċjali mistennija żżid l-użu tat-trasport bil-baħar kif ukoll tħalli mas-€780 fil-bwiet ta’ min jużah b’mod regolari.

Il-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u Xogħlijiet Pubbliċi Chris Bonett fisser is-sodisfazzjon tiegħu għal mod kif id-diskussjonijiet mal-operatur privat, b’rispett lejn l-awtonomija tiegħu iżda bl-għan komuni li jiżdied iktar l-użu tat-trasport pubbliku, wasslu biex jingħata xahar ċans biex tinkiseb tal-Linja Card bla ħlas. 

“Dan huwa inċentiv ieħor biex min għad m’għandux tal-Linja Card japplika għaliha bla ħlas u jibda jkun intitolat għal servizz ta’ trasport pubbliku bil-karozzi tal-linja u bil-ferry b’xejn għal vjaġġi kollha li jagħmel matul is-sena kollha. Irridu komunitajiet sostenibbli u se nibqgħu nieħdu d-deċiżjonijiet f’din id-direzzjoni,” saħaq il-Ministru Bonett.

Il-Ministeru għat-Trasport, l-Infrastruttura u Xogħlijiet Pubbliċi jħeġġeġ lil kull min m’għandux tal-Linja Card biex jieħu din l-opportunità u japplika għaliha matul ix-xahar ta’ Frar bla ħlas. Wara l-aħħar ta’ Frar japplikaw it-tariffi amministrattivi deċiżi mill-operatur privat biex tinkiseb tal-Linja Card għas-servizz b’xejn tat-trasport pubbliku u l-ferry.

Ekonomija

Sport