Wednesday, May 8, 2024

Titjib fl-effiċjenza fl-użu tal-enerġija f’6 swali f’San Vinċenz de Paul permezz ta’ fondi Ewropej

Aqra wkoll

Wasal fi tmiemu proġett b’investiment ta’ €700,000 minn fondi Ewropej li wassal għal titjib fil-kwalità tal-ħajja tal-anzjani residenti f’San Vinċenz de Paul, kif ukoll tnaqqis fil-konsum tal-enerġija fir-residenza. Dan tħabbar waqt konferenza tal-aħbarijiet mill-Ministru għall-Anzjanità Attiva Jo Etienne Abela u s-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Chris Bonett.

Ġie spjegat kif permezz ta’ dan l-investiment sar titjib f’sitt swali f’San Vinċenz de Paul fejn sar tibdil ta’ aperturi sabiex ikunu double glazed u b’hekk ikunu aktar effiċjenti fl-użu tal-enerġija u jilqgħu aktar għall-elementi; kif ukoll ġew installati blackout curtains. 

Il-Ministru Jo Etienne Abela spjega kif dan l-investiment ser ikun qed itejjeb il-kwalità ta’ ħajja ta’ madwar 190 resident kif ukoll tal-ħaddiema li jaħdmu f’dawn is-swali. Tenna li dan il-proġett ikompli juri l-ħidma li l-gvern qed iwettaq favur l-anzjani 

“Permezz ta’ proġetti bħal dawn qed inkomplu intejbu s-servizz li jingħata lir-residenti f’San Vinċenz,  kif ukoll inkomplu naħdmu lejn il-qalba ambjentali,” temm jgħid il-Ministru Abela.

Is-Segretarju Parlamentari Chris Bonett tkellem kif filwaqt li dan il-proġett huwa investiment dirett fl-anzjani residenti f’San Vinċenz de Paule, dawn il-bidliet ser inaqqsu drastikament il-konsum tal-enerġija fir-residenza. Żied jgħid li din il-miżura tikkontribwixxi biex Malta tilħaq il-miri u d-direttivi tal-Unjoni Ewropea dwar l-enerġija.

“Dan il-proġett jagħmel parti mill-finanzjament tal-assi prijoritarju 4 tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali li huwa iddedikat biex jappoġġja proġetti għall-effiċjenza fl-użu tal-enerġija u l-użu tal-enerġija rinnovabbli fl-infrastruttura pubblika, inkluż fil-bini pubbliku. Kommessi li bl-għajnuna ta’ Fondi Ewropej inkomplu ninvestu f’tagħmir li bih nagħmlu l-ħajja tar-residenti aħjar u fl-istess waqt inkomplu nilħqu l-miri ta’ pajjiżna u d-direttivi Ewropej fil-qasam tal-enerġija,” temm jgħid is-Segretarju Parlamentari Bonett.

Sport