Tuesday, May 14, 2024

TITJIB FL-INFURZAR BI PRIJORITÀ LI JIĠU SALVATI L-ĦAJJIET

Aqra wkoll

Ħafna drabi nitkellmu fuq kemm il-poplu Malti u Għawdxi huwa traskurat u ma jagħtix kas u li l-unika metodu kif tasal biex tikkontrollah huwa billi tmisslu l-but. Fl-istess waqt, bosta jkunu dawk li ta’ kuljum iressqu l-ilmenti tagħhom, kemm fuq is-siti soċjali u oħrajn li saħansitra jikkuntattjaw direttament l-awtoritajiet konċernati biex fl-aħħar mill-aħħar tkun tista’ tittieħed azzjoni. M’għandniex xi ngħidu. Dawn ta’ l-aħħar huma l-aktar ideali. Huma dawn il-persuni li jistgħu verament jgħinu biex tittieħed azzjoni għax inutli li jkun hemm tgergir u lmenti li jibqgħu ma jwasslu għal imkien.

Nemmnu li mhux faċli biex ċertu azzjonijiet jinqabdu minn qrunhom wara ħafna snin. Ċertu deċiżjonijiet li jaffettawaw lill-maġġoranza tan-nies tistennieha li jqajmu diskussjoni sħiħa. Ngħidu dan proprju ftit jiem wara li tnediet konsultazzjoni pubblika dwar it-tieni politika nazzjonali dwar id-drogi għall-10 snin li ġejjin. Fost il-proposti hemm l-introduzzjoni ta’ liġi ġdida li tippermetti testijiet għal għarrieda fuq is-sewwieqa bil-għan li jkun hemm tolleranza żero għall-użu lleċtu ta’ sustanzi kimiċi. Sa fejn hu magħruf, din il-prattika ma kinitx issir ħlief fuq abbuż tal-alkoħol. 

Minkejja ħafna kkummentaw dwar din l-aħbar, forsi ftit huma dawk li apprezzaw li din il-politika ġdida tmur lil hinn miż-żieda fil-multi li jistgħu jiġu mposti, għalkemm normalment dawn huma l-ewwel ma jiġu nnutati.

Dan ir-rapport jitkellem ukoll dwar ideat li jistgħu jwasslu sabiex saħansitra tiġi salvata l-ħajja ta’ persuna li tkun f’sitwazzjoni kritika li titlef ħajjitha, speċjalment f’każ t’overdose tal-eroina. Azzjoni ta’ min ifaħħarha hija dik li din il-politika tinkludi uffiċjali li jkunu attrezzati biżżejjed biex f’każi ta’ emerġenza, jkunu mħarrġa kif għandhom jassistu lil dawn il-persuni.

Filwaqt li nifhmu li l-konsultazzjoni se ttul xi ġimgħat, nistennew li dawk li ilhom żmien jikkummentaw, issa għandhom l-opportunità jersqu ‘l quddiem bi proposti li jistgħu verament iwasslu għal tisħiħ ta’ din il-politika.

Madanakollu nemmnu li din il-politika għandha tkun ikkumplimentata minn infurzar strett u b’saħħtu li jista’ jwassal biex jiġu evitati inċidenti li wħud minnhom jistgħu jkunu fatali b’telf ta’ ħajjiet.

Din il-politika mhix waħda ġejja mill-ajru. Fl-aħħar xhur, żdied it-tħassib fuq livell Ewropew dwar iż-żieda fl-inċidenti u l-fatalitajiet tat-traffiku, b’mod speċjali fost iż-żgħażagħ. L-Ewropa mhix tara biss li jiżdiedu r-regolamenti b’mod inġenerali, iżda li żżid is-sorveljanza fuq is-sewwieqa żgħażagħ, f’perjodu li fih forsi jista’ jkun hemm nuqqas ta’ responsabbiltà minn xi wħud li qed ikomplu jixħtu dell ikrah fuq l-istatistika fuq firxa aktar wiesgħa.

Sport