Mil-bieraħ, persuni li għexu fir-Renju Unit inklużi Maltin li studjaw u ħadmu fil-pajjiż bejn l-1980 u l-1996 jistgħu jkunu eliġibbli biex jagħtu d-demm f’Malta, hekk kif tneħħiet restrizzjoni li kienet ilha fis-seħħ għal numru ta’ snin minħabba tħassib marbut mal-varjant Creutzfeldt-Jakob Disease (vCJD).
Id-deċiżjoni ttieħdet wara li riċerka xjentifika u sorveljanza fit-tul urew li m’hemmx riskju li din il-marda, li kienet preżenti fir-Renju Unit matul dawk is-snin, tiġi trażmessa permezz tal-għoti tad-demm illum. Id-deċiżjoni ssegwi wkoll linji gwida aġġornati mill-European Directorate for the Quality of Medicines & HealthCare (EDQM).

Id-Deputat Prim Ministru Ian Borg għal darba oħra tenna l-impenn biex aktar persuni jiġu mħeġġa jagħtu d-demm. Impenn li għamel ftit tal-ġimgħat ilu meta f’waħda mill-ewwel inizjattivi tiegħu bħala ministru responsabbli mis-saħħa, ingħaqad ma’ numru sabiħ ta’ ħaddiema tal-Ministeru biex jagħti d-demm. Huwa tenna l-appell lil kull min huwa eliġibbli biex jagħmel dan il-ġest ta’ solidarjetà.
Ir-reviżjoni ta’ din ir-restrizzjoni kienet ukoll fost is-suġġetti diskussi f’laqgħa li Dr Borg kellu ftit tal-jiem ilu mal-Kummissarju Għoli tar-Renju Unit f’Malta, Victoria Busby. Din il-laqgħa saħħet il-proċess li kien diġà għaddej u li issa wassal għat-tneħħija ta’ din ir-restrizzjoni.
“Fil-laqgħa mal-Kummissarju Għoli ddiskutejna proprju din ir-restrizzjoni, fi żmien meta kien diġà għaddej ix-xogħol meħtieġ biex din tiġi riveduta. Illum, bis-saħħa tar-riċerka u l-istudji xjentifiċi li saru, qed inneħħuha u qed nagħtu lil aktar persuni l-opportunità li jagħmlu l-parti tagħhom. Nieħu din l-opportunità biex intenni l-appell sabiex kulħadd jagħmel il-parti tiegħu – dan huwa ġest nobbli li jsalva l-ħajjiet,” temm jgħid id-Deputat Prim Ministru.
It-Tabiba Monique Debattista, il-persuna responsabbli u direttur mediku fi ħdan is-Servizz Nazzjonali tat-Trasfużjoni tad-Demm, spjegat li fir-reġistru tas-Servizz hemm madwar 350 persuna li fil-passat urew ix-xewqa li jagħtu d-demm iżda ma setgħux minħabba din ir-restrizzjoni. Dawn se jiġu kkuntattjati u mħeġġa biex isiru donaturi, għall-ewwel darba jew mill-ġdid wara ħafna snin.

“Ninsabu tassew kuntenti b’dan it-tibdil għaliex nafu li hemm numru sostanzjali ta’ persuni li jixtiequ jagħtu d-demm iżda li, minħabba din ir-restrizzjoni, għal ħafna snin ma setgħux jagħmlu dan. Issa se nkunu nistgħu nilqgħu lura donaturi li kellhom jieqfu u, fl-istess waqt, nilqgħu donaturi ġodda,” qalet Dr Debattista.
Ir-residenta Brittannika Sara Hazzard, li kienet fost l-ewwel persuni li setgħu jagħtu d-demm wara t-tneħħija tar-restrizzjoni, qalet li l-komunità Brittannika kienet ilha tistenna din il-bidla u ħeġġet lil dawk li sal-lum ma setgħux jagħtu d-demm biex issa jagħmlu dan. “Kienet esperjenza tassew sabiħa li finalment stajt nagħti xi ħaġa lura lill-komunità permezz ta’ din l-opportunità. Nixtieq inħeġġeġ lil numru ta’ ħbieb u familjari li ta’ spiss jistaqsu jekk jistgħux jagħtu d-demm biex issa jagħmlu bħali huma wkoll.”
