Tnediet il-bijografija tal-President ta’ Malta George Vella f’ċerimonja li saret it-Tlieta filgħaxija fil-Palazz ta’ Sant’Anton.
Fil-ktieb ‘George Vella – Il-President li għandu ħafna xi jgħid’, il-President jirrifletti dwar dak li għadda minnu fil-ħajja tiegħu, minn tfulitu sal-Presidenza.
Il-pubblikazzjoni tinkludi wkoll rakkonti u riflessjonijiet ta’ diversi personalitajiet li jafuh minn barra u minn ġewwa fosthom il-Perit Karmenu Vella, Dr Joe Borg, Prof. Simone Borg, Prof. Alfred J. Vella, Prof. Joseph Cacciottolo, Jesmond Saliba, Prof. Mario Thomas Vassallo, Prof. Paulann Grech, Dr Vincent Marmara, Lou Bondi, Dr Helga Mizzi, Prof. Carmen Sammut u Sylvana Debono.
L-awtur Prof. Andrew Azzopardi wassal il-ħsibijiet u l-memorji mit-tfulija sal-Presidenza ta’ George Vella waqt li ddeskriva l-Presidenza bħala waħda ħajja, b’ħafna deċiżjonijiet li kellhom jittieħdu fis-silenzju. Waqt it-tnedija, is-Sinjura Miriam Vella, mart il-President ta’ Malta, tat ħarsa lejn uħud mill-isbaħ u l-aktar mumenti diffiċli waqt il-ħames snin ta’ Presidenza.
Waqt it-tnedija, sar ukoll intervent mis-Sinjura Claire Micallef Pule, manager ta’ The Malta Community Chest Fund, li wkoll għamlet ir-riflessjonijiet tagħha fil-pubblikazzjoni. Hija qalet kif l-aktar kwalità li tammira fil-President George Vella hija dik li jisma’ bla preġudizzju. Hija rrakkontat ukoll aneddotu mal-pazjenti Maltin li kienu qed jirċievu l-kura f’Londra. Saru wkoll interventi mill-eks Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista, Dr Alfred Sant, u l-eks Deputat Prim Ministru u Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista, Prof. Tonio Borg, li fil-bijografija wkoll għamlu r-riflessjonijiet tagħhom fuq George Vella.
Il-ktieb jinkludi wkoll aktar minn 70 paġna ta’ ritratti li jkopru l-ħajja tiegħu fil-familja, fil-politika u matul il-Presidenza.