Sunday, December 29, 2024

Titnieda l-Konsultazzjoni Pubblika dwar ir-Riforma fil-Qorti tal-Familja

Aqra wkoll

Il-Ministru għall-Ġustizzja u r-Riforma tas-Settur tal-Kostruzzjoni Jonathan Attard u l-Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal Michael Falzon nedew il-konsultazzjoni pubblika dwar ir-riforma fil-Qorti tal-Familja. Il-proċess ta’ konsultazzjoni huwa mfassal biex jiġbor firxa wiesgħa ta’ perspettivi, u jiżgura li l-vuċijiet tal-partijiet interessati kollha jinstemgħu.

“L-esperjenzi tan-nies li ltqajna magħhom kienu l-pedament tal-ħidma li kienet qed titwettaq minn tim multidixxiplinarju f’dawn l-aħħar xhur biex wasalna għall-ewwel sett ta’ rakkomandazzjonijiet li qed nippreżentaw f’din il-konsultazzjoni pubblika,” qal il-Ministru Jonathan Attard, filwaqt li sostna li l-għan tagħha huwa li tindirizza realtajiet li l-aħħar li ntmessew kienu f’tentattiv ta’ riforma 22 sena ilu.

Huwa saħaq ukoll li l-gvern huwa konxju mill-fatt li dan is-settur tal-familja huwa wieħed sensittiv u wieħed li d-diskussjoni dwaru ħafna drabi tmur minn naħa għal oħra għalhekk kien jeħtieġ li jittieħed pass għaqli f’din ir-riforma anke wara laqgħa pubblika li għaliha attenda wkoll il-Prim Ministru Robert Abela.

“Irridu naraw aktar speċjalizzazzjoni ħalli nkunu nistgħu ngħinu lill-familji jilħqu riżoluzzjonijiet ġusti bi proċeduri li ma jkunux skabrużi u fit-tul b’enfasi li jiġu prijoritizzati l-interessi tat-tfal u l-bżonnijiet tagħhom,” kompla l-Ministru Jonathan Attard.

Din l-ewwel fażi tar-riforma se tagħti l-opportunità għal aktar riformi, inkluż dik li tiġi introdotta Qorti tal-Familja speċjalizzata u mhux sezzjoni fil-Qorti Ċivili kif hemm illum.

Min-naħa tiegħu, il-Ministru Michael Falzon stqarr li, “Dan il-gvern verament jemmen fil-familja u l-forom kollha tagħha. Dawn il-bidliet qed nagħmluhom sabiex insaħħu s-sistema legali u naraw li l-ebda tifel jew tifla ma jkunu mċaħħda minn xi ġenitur jew ieħor. Bħala gvern konxji ta’ realtajiet differenti li jpoġġu sfida fuq is-serenità tal-familji. Għażilna li nidħlu għal dawn il- bidliet għax għalina l-familja hija prijorità u tibqa’ l-aqwa ħaġa.”

Fi preżentazzjoni li saret mill-Avukata Dr Sharon Mizzi flimkien mas-Sinjura Joanne Battistino ġew spjegati l-proposti varji li qegħdin jitressqu ’l quddiem għal din il-konsultazzjoni pubblika.

It-temi prinċipali li jinkwadraw dawn l-istess proposti jinkludu:

  • Qorti tal-Familja stabbilita mill-ġdid b’Kodiċi li jikkonsolida l-liġijiet kollha tal-familja.
  • Twaqqif ta’ Bord tal-Familja bi rwol importanti fil-bidu u tul il-proċess tal-medjazzjoni sabiex jiffaċilita l-proċess ġudizzjarju.
  • Termini ġodda għall-proċess ta’ medjazzjoni sabiex ma jitwalux il-proċeduri mingħajr bżonn.
  • Drittijiet u responsabbiltajiet ugwali, co-parenting u deċiżjonijiet fl-aħjar interess tat-tfal.
  • Li jiġu indirizzati kwistjonijiet ta’ matul il-kawża relatati mal-aċċess u l-manteniment.
  • Twaqqif ta’ Uffiċċju ta’ Sostenn fil-Qorti magħmul minn professjonisti minn dixxiplini differenti biex jassisti lill-persuni involuti fil-proċeduri tal-Qorti tal-Familja.
  • Appoġġ lill-vittmi tal-vjolenza domestika.
  • Tisħiħ tar-riżorsi tal-professjonisti li jaħdmu fil-qasam.
  • Li jiġi ffaċilitat il-proċess tax-xoljiment tal-kommunjoni tal-assi.

Preżenti għall-konferenza tal-aħbarijiet kien hemm ukoll s-Segretarju Permanenti fi ħdan il-Ministeru tal-Ġustizzja u r-Riforma tas-Settur tal-Kostruzzjoni Johan Galea, rappreżentanti tal-Kumitati Tekniċi tar-Riforma tal-Familja u l-Parental Alienation, il-Kummissarju għat-Tfal  Antoinette Vassallo, il-Kapijiet Eżekuttivi tal-FSWS u s-CSA u l-Amministrazzjoni għas-Servizzi tal-Qrati.

Dawk kollha li jixtiequ jressqu s-sottomissjonijiet tagħhom jistgħu jagħmlu dan bejn illum, it-30 ta’ Settembru u l-11 ta’ Novembru 2024. F’dan il-perjodu se jkunu qed jiġu organizzati numru ta’ attivitajiet immirati lejn il-pubbliku ġenerali, partijiet ikkonċernati fis-settur, u anke l-professjonisti involuti.

Is-sottomissjonijiet jistgħu jsiru permezz tal-email [email protected] jew permezz tal-pjattaforma ta’ konsultazzjoni online fuq publicconsultation.gov.mt.

Ekonomija

Sport