Tuesday, April 23, 2024

Titnieda s-6 edizzjoni ta’ CodeSprintMT – eżerċizzju li jqarreb l-edukazzjoni u l-industrija

Aqra wkoll

CodeSprintMT hija kompetizzjoni indirizzata lejn studenti tat-teknoloġija diġitali, imma hija wkoll eżerċizzju importanti biex l-edukazzjoni titqarreb dejjem aktar lejn l-industrija u għalhekk eżerċizzju f’oqsma li għandha bżonn l-ekonomija tal-lum. Il-kompetizzjoni hija organizzata mill-Ministeru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni li qiegħed kontinwament jesplora modi ġodda biex jimminimizza d-distakk bejn l-edukazzjoni u l-industrija, filwaqt li jara li jagħti opportunitajiet biex dak li jitgħallmu l-istudenti fl-iskejjel ikun kuntestwali ma’ dak li jiġri fuq il-post tax-xogħol.

Il-kompetizzjoni tanalizza l-ħiliet ta’ studenti sekondarji, studenti post-graduate tal-Computing u Teknoloġija tal-Informatika, studenti undergraduate u mill-edizzjoni tas-sena li għaddiet żdiedet ukoll il-kategorija ġdida għal żviluppaturi stabbiliti tas-software.

Id-dinja tinsab f’evoluzzjoni industrijali kontinwa u wieħed mis-setturi li huwa fuq quddiem nett huwa t-trasformazzjoni diġitali. L-ekonomiji dinjin qed jinbidlu u qegħdin isiru aktar dipendenti fuq id-dinja diġitali. Dan qed iwassal biex kuljum jinbtu opportunitajiet ġodda fis-suq tal-impjiegi u magħhom il-bżonn ta’ ħaddiema li jkollhom ħiliet ġodda.

Il-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Clifton Grima qal, “Bħala Ministeru qed naħdmu ħalli nrawwmu studenti, anki minn età żgħira, f’dawn is-suġġetti. Din hija rabta bejn l-edukazzjoni u l-innovazzjoni għal tisħiħ tat-teknoloġija diġitali. Irridu naraw li nkomplu nagħtu l-importanza li hemm bżonn fl-iskejjel tagħna f’tagħlim marbut mar-revoluzzjoni industrijali: robotika; teknoloġija tal-informatika, system integration, augumented reality, cybersecurity. Il-qofol ta’ dan kollu huwa wieħed, li jkollna aktar kapital uman li huwa mħarreġ f’dan is-settur”.

Il-ħidma mill-Ministeru qed isir b’diversi modi, mhux biss bl-introduzzjoni u bl-użu ta’ għodda diġitali fl-iskejjel, imma wkoll b’mod prattiku. Għaddejja ħidma wkoll miċ-Ċentru tax-Xjenza fi ħdan il-Ministeru, anki bi sħab ma’ entitajiet privati, fil-kas ta’ CodeSprintMT ma’ ICE Malta.

Il-Ministru Grima ħeġġeġ biex ikun hemm parteċipazzjoni f’din is-6 edizzjoni ta’ CodeSprint, li r-reġistrazzjoni għaliha hija miftuħa sat-23 ta’ Ġunju. Il-kompetizzjoni se ssir f’Lulju b’mod virtwali. Fost premjijiet oħra, r-rebbieħa jingħataw programmi ta’ studju fuq livell internazzjonali.

Sport