Friday, April 19, 2024

ŻEWĠ TERZI TAL-MALTIN AKTARX LI JIVVUTAW FL-ELEZZJONIJIET TAL-PE

- stħarriġ tal-Ewrobarometru

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

Madwar żewġ terzi tal-Maltin, jew aħjar 66%, jgħidu li x’aktarx jivvutaw fl-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew kieku dawn kellhom isiru l-ġimgħa d-dieħla. Dan bejn wieħed u ieħor fl-istess livell tal-medja tas-27 pajjiż tal-Unjoni Ewropea.

Dan jirriżulta minn stħarriġ tal-Ewrobaromatru li sar f’Marzu li għadda bil-għan li juru x-xejriet għal dawn l-elezzjonijiet li mistennija jsiru f’Ġunju tal-2024. Skont l-istħarriġ, l-akbar għadd ta’ nies li mistennija jivvutaw huma dawk minn 55 sena ‘l fuq, bl-inqas ikunu dawk bejn il-15 u l-24 sena.

Mistoqsija x’inhu r-raġuni li se jivvutaw fl-elezzjoni tal-PE, 61% qalu li jagħmlu hekk biex jappoġġjaw il-partit politiku tagħhom. Oħrajn qalu li jivvutaw biex jeleġġu l-kandidat favorit tagħhom, filwaqt li 34% iddikjaraw li se jivvutaw għax iħossu li dan huwa d-dmir tagħhom.

Minbarra dan, 46% ta’ dawk mistħarrġa u li qalu li mhux beħsiebhom jivvutaw f’dawn l-elezzjonijiet, jemmnu li l-vot mhu se jbiddel xejn, filwaqt li 42% qalu li ma tinteressahomx il-politika b’mod inġenerali. Fl-istess waqt, 34% oħra sostnew li m’għandhomx fiduċja fis-sistema politika inġenerali.

Interessanti kien il-ħsieb dwar is-sodisfazzjon fid-demokrazija fejn f’dan il-kuntest 49% għandhom fiduċja totali fiha filwaqt li l-istess ammont sostnew li mhumiex sodisfatti bl-istat tad-demokrazija fil-pajjiż.

Sadanittant, 83% tal-Maltin japprovaw b’mod qawwi jew bi ftit inqas, l-appoġġ li l-Unjoni Ewropea qiegħda tagħti lill-Ukrajna fil-gwerra tagħha kontra r-Russja. Dawk li japprovaw bil-qawwi l-mod kif l-UE qed tappoġġja lill-Ukrajna naqsu bi 8% meta kkomparat ma’ stħarriġ li kien sar bejn Ottubru u Novembru tas-sena l-oħra.

L-istħarriġ ta ħarsa wkoll lejn diversi temi oħra bħalma huma l-pandemija tal-Covid u ż-żieda fl-inflazzjoni li qed taffettwa l-ekonomija globali tal-Unjoni Ewropea. Fir-rigward ta’ Malta, 62% qalu li l-inflazzjoni affetwat il-livell tal-għajxien tagħhom filwaqt li 21% oħra qalu li s’issa l-livell tal-għajxien tagħhom għadu ma ġiex minsus mill-għoli tal-prezzijiet.

L-istess stħarriġ sab li 73% tal-Maltin stqarrew li m’għandhomx diffikultajiet biex iħallsu l-kontijiet fl-aħħar tax-xahar filwaqt li 6% qalu li ħafna drabi jaffaċċjaw diffikultajiet.

Dwar kif jaraw l-Unjoni Ewropea, 44% tal-Maltin qalu li huma kemmxejn pożittiv filwaqt li 40% esprimew ruħhom bħala newtrali. 68% tal-Maltin qalu wkoll li jixtiequ li l-Parlament Ewropew jassumi rwol aktar importanti.

Mistoqsija dwar humiex ottimisti dwar il-futur tal-Unjoni Ewropea, 67% tal-Maltin huma ftit jew wisq ottimisti. Il-Maltin jemmnu li l-aktar ħaġa li l-PE għandu jagħti każ hija li jieħu azzjoni kontra t-tibdil fil-klima, is-saħħa pubblika u l-ġlieda kontra l-faqar u l-esklużjoni soċjali.

Sport