Sunday, November 24, 2024

Titnieda skema biex aktar turisti jżuru Għawdex matul is-sena kollha

Aqra wkoll

Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri ħabbar l-implimentazzjoni ta’ miżura oħra tal-Baġit 2023 permezz tat-tnedija tal-iskema Extended-Stay Incentive Scheme for the Accommodation Sector in Gozo 2023-24. L-għan ta’ din l-iskema huwa li tkompli tattira turisti ta’ kwalità lejn Għawdex matul is-sena kollha.

Din l-iskema hija eliġibbli għal turisti li se jkunu fuq btala f’Għawdex bejn il-15 ta’ Ottubru 2023 u l-15 ta’ Marzu 2024, fejn it-tul tal-btala trid tkun minn tal-inqas 10 iljieli, u ser joqogħdu f’waħda mill-proprjetajiet li qed tipparteċipa f’din l-iskema. Dawn it-turisti ser jingħataw skont ta’ 30% mill-booking sa massimu ta’ €300. Il-kofinanzjament għal dan l-inċentiv ser ikun ta’ 80% mill-gvern u 20% mill-privat.

“Permezz ta’ din l-iskema se nkomplu nibnu fuq dak li diġà għamilna biex Għawdex ma tkunx destinazzjoni biss tas-sajf. Għaldaqstant qed nolqtu direttament ix-xhur tal-ħarifa u tax-xitwa, meta t-tendenza tkun li t-turiżmu barrani jonqos xi ftit wara x-xhur tas-sajf,” tenna l-Ministru Camilleri.

Huwa kompla jispjega li fl-aħħar snin, taqta’ l-perjodu tal-pandemija, Għawdex esperjenza żidiet sostanzjali fix-xhur hekk imsejħa shoulder periods. Dan huwa sforz il-ħidma kontinwa tal-gvern u tal-istakeholders sabiex ikompli jissaħħaħ il-potenzjal turistiku tal-gżira Għawdxija matul is-sena kollha.

L-operatur privat ser ikun qed joffri wkoll vawċer addizzjonali ta’ 10% lil dawk li jkunu bbukkjaw biex jinkoraġġixxi r-ritorn tal-istess turisti fix-xhur tas-sajf. Hawn il-Ministru Clint Camilleri semma li l-gżira Għawdxija dejjem kellha statistika b’saħħitha f’dawk li huma repeat visitors, bis-snin riċenti saħansitra jaqbżu l-50%.

Il-Ministru Camilleri rringrazzja lill-Assoċjazzjoni tat-Turiżmu għal Għawdex li skattat din l-inizjattiva, kif ukoll lid-Direttorat għat-Turiżmu u l-Iżvilupp Ekonomiku fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex li ħadem biex tfasslet l-iskema, il-linji gwidi, it-termini u l-kundizzjonijiet, l-espressjoni ta’ interess għall-operaturi tal-akkomodazzjoni u l-pjattaformi diġitali pertinenti min-naħa tal-Ministeru għal Għawdex.

Id-Direttur għat-Turiżmu u l-Iżvilupp Ekonomiku, Ronald Sultana, semma li b’kollaborazzjoni mal-uffiċini internazzjonali tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu, tfasslu kampanji ta’ promozzjoni barra minn xtutna.

Il-Ministru Clint Camilleri temm jgħid li l-parametri tal-iskema huma xhieda tal-impenn tal-Ministeru għal Għawdex u tal-istakeholders Għawdxin li filwaqt li jiżdiedu t-turisti fix-xhur li normalment ikunu aktar kwieti minn dawk tas-sajf, l-iskema hija mmirata wkoll għal turisti ta’ ċerta kwalità li jżuru lil Għawdex għal vaganza itwal min-normal. Tenna li dawn huma kunċetti sinonimi ma’ turiżmu sostenibbli.

15-il operatur qed jipparteċipaw f’din l-iskema hekk kif wieġbu għas-sejħa ta’ espressjoni ta’ interess li nħarġet mill-Assoċjazzjoni Għawdxija għat-Turiżmu, b’aktar minn 140 proprjetà eliġibbli li t-turisti ser ikun jistgħu jagħżlu minnhom. Il-proprjetajiet ivarjaw minn lukandi ta’ 4 u ta’ 5 stilel, boutique hotels, self-catering villas u farmhouses.Għal aktar informazzjoni wieħed jista’ jżur https://www.visitgozo.com/extended-gozo-stays/.

Sport