Friday, May 3, 2024

Tkeċċa mill-iskola wara qatgħa xagħar li tfakkar lil Ronaldo fil-World Cup

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Alfie Ransom ta’ 12-il sena talab lill-ommu sabiex tqaxxarlu xagħru à la Ronaldo u spiċċa mkeċċi minn skola f’Hull fl-Ingilterra.

It-tifel xtaq li jkollu qatgħa xagħar bħal dik li kellu l-istilla Brażiljan lura fil-World Cup tal-2002, liema ħalliet timbru fuq il-karriera kalċistika tiegħu anke wara li l-Brażil kienu rebħu l-edizzjoni tal-istess sena.

Wara xi jiem taħsibha hija ċediet, iżda l-bidla ftit li xejn jidher li impressjonat lill-għalliema ta’ Sirius West Academy.

Omm it-tifel iddikjarat li hi rċeviet telefonata mingħand l-istaff tal-iskola li binha kien se jintbagħat lura lejn id-dar minħabba li l-istil ta’ xagħru kien imur kontra r-regoli tal-iskola. Hija lmentat li fl-aħħar snin sar progress f’diversi skejjel u li kulħadd kien qiegħed jiġi aċċettat u saħansitra inkoraġġit ikun uniku. Hija staqsiet għalfejn binha qiegħed jiġi trattat b’dan il-mod fi żmien fejn id-dinja kollha tinsab issegwi t-Tazza tad-Dinja. 

Saħqet li din mhix xi ħaġa ta’ issa u li minn dejjem it-tfal iħossuhom kuntenti li jimitaw l-idoli tagħhom. Kompliet biex tgħid kemm kienet kuntenta li binha kien ġie aċċettat u mfaħħar minn sħabu. 

Ronaldo lura fiż-żmien kien skuża ruħu mal-ġenituri li wliedhom akkost ta’ kollox riedu jaqtgħu xagħarhom bħalu u kien spjega li hu kien għażel li jaqta’ xagħru b’dak il-mod għall-finali biex ineħħi minn fuq pressjoni żejda ta’ mistoqsijiet dwar il-kundizzjoni fiżika ta’ dak iż-żmien.

Sport