Wednesday, April 24, 2024

Tkompli l-inkjesta pubblika dwar il-qtil ta’ Caruana Galizia… jixhed l-eks-Kummissarju Lawrence Cutajar

Aqra wkoll

09.41: Fl-inkjesta pubblika dwar il-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia llum qed jixhed Lawrence Cutajar, li hu l-eks Kummissarju tal-Pulizija. Jassistih illum għandu lil Dr Ezekiel Psaila bħala Avukat Legali.

Il-Qorti fakkret lil Cutajar li hu preżentament għaddej minn Inkjesta Maġisterjali, u allura għandu d-dritt li ma jweġibx jekk iħoss li se jinkrimina ruħu.

Hu appella l-Qorti biex fix-xhieda tiegħu, jiġi eżentat mill-Artiklu ta’ Kunfidenzjalità marbut ma’ domandi mal-investigazzjonijiet jew rapporti tal-FIAU.

L-Imħallfin tal-Inkjesta Pubblika jaċċettaw it-talba.

09.46: Cutajar qal li daħal fil-Korp fil-5 ta’ Frar tal-1979, u dam iservi sas-16 ta’ Jannar 2012. F’Settembtu tal-1984 għamel 14-il sena Żejtun, F”Settembru tal-2000 ġie promoss għal Supretendent, għal 14-il sena, imbagħad f’Jannar tal-2014 inħatar Assistent Kummissarju. Kien jieħu ħsieb it-taqsima tal-Immigrazzjoni. F’Mejju tal-2016 inħatar bħala Aġent Kummissarju u tliet xhur wara ġie maħtur Kummissarju. Fis-17 ta’ Jannar tal-2020, huwa spiċċa mill-kariga.

Mistoqsi dwar il-proċedura tal-ħatra tiegħu, hu saħaq li l-Korp tal-Pulizija u l-Ministeru tal-Intern organizzaw il-metodu ta’ evalwazzjoni, però mhix ċert jekk proċess bħal din ġiex maħtur jew kinux involuti l-Kummissjoni tas-Servizz Pubbliku. Fuq il-ħatra tal-Kummissarju, hu kien maħtur direttament mill-Prim Ministru. Dwar l-għan prinċipali tiegħu, Cutajar qal li kien li jitranġaw l-għases, jingħataw vetturi ġodda, kif ukoll li jiġi ffirmat ftehim settorali għall-membri tal-Korp. Qal li kellu l-opportunità li jkun parti minn tibdil, u għalhekk iddeċieda li jaċċetta l-ħatra. Dwar il-Kummissarji tal-Pulizija preċedenti, hu saħaq li kellu relazzjoni tajba ma’ kollha, “dawn huma kollha ta’ żmieni.”

Mistoqsi dwar xi ftehim politiku, hu saħaq li qatt ma kien involut b’xi mod f’partit politiku: “Għandi fehma, però kulħadd min jafni jaf li naħdem ma’ kulħadd.”

Mistoqsi dwar kumment li kien għadda fuq il-midja soċjali, fejn deher jappoġġja l-Prim Ministru, hu saħaq li dan kien paragrafu żgħir, fejn qabbel il-Prim Ministru mat-tim li hu kien jappoġġja. Huwa saħaq li dakinhar li għadda l-kumment, kien għadu kif sar Assistent Kummissarju . “Ħadd ma ġibidli l-attenzjoni, però nemmen li kien aħjar li kieku m’għaddejtx il-kumment.”

09.54: Cutajar qal li kull Kummissarju għandu l-mod tiegħu kif jaħdem. Hu kellu branki speċjalizzati li kellu fiduċja fihom. Qal li l-maġġor parti tal-investigazzjonijiet ħallihom f’idejn il-branki u t-tmexxija ta’ dawn id-dipartimenti. Qal li kien hemm diversi suċċessi, wieħed wara l-ieħor: Xogħlu kien li jagħti l-għajnuna loġistika.

Cutajar qal li “meta fl-2014 ilħaqt Assistent Kummissarju, sibt Supretendent u żewġ spetturi biss fil-branka tar-reati kriminali. Xħin tlaqt, kien hemm Assistent Kumissarju, 13-il Spettur differenti, post ġdid fejn qegħdin joperaw. Daħħalt għall-ewwel darba Speċjalisti fir-Reati Finanzjarji li huma pajżana, u sakemm tlaqt jien kien hemm żewġ persuni oħra. Ir-rwol tiegħi kienet li t-taqsima, dik speċjalizzata, għandha biex taħdem. U naf ukoll li fuq dak li għamilt jien, beda jimxi aħjar ħaddieħor.”

“Kien hemm min jagħti impressjoni li jiena nirċievi file mill-FIAU, nitfgħu fil-kexxun u ngħidilhom tagħtux kas. Mhix vera: Files tal-FIAU jgħaddu direttament għand l-Assistenti Kummissarji, huma min huma, huma fuq min huma. Għaddejthom jew lis-Sur Valletta, jew lis-Sur Abdilla (Assistenti Kummissarji), immedjatament.”

Mistoqsi dwar l-investigazzjonijiet relatati maċ-Chief of Staff, u Ministru Konrad Mizzi, Cutajar saħaq li l-Kummissarju ta’ dak iż-żmien irċieva rapport, b’informazzjoni fil-qosor, rigward informazzjoni dwar Brian Tonna, Konrad Mizzi u Keith Schembri.

Hu qal li fit-18 ta’ April, Valletta għamel marka li dan ir-rapport għadu ma ġiex konkluż. Sostna li Dr Manfred Galdes kien għadu jaħdem fuq din l-investigazzjoni u Valletta ta istruzzjonijiet lis-Supretendent biex jibda jinvestiga. Qal li f’rimarka li hemm fil-file, l-Assistent Kummissarju Abdilla kellem lil Galdes biex issir laqgħa, minħabba li l-kontenut tar-rapport kien għadu preliminari. Huwa saħaq li ma kienx preżenti għall-meeting, però jaf li din il-laqgħa saret. Qal li hu dejjem kien jgħidilhom: “Timxux weħdikom, ħudu pariri, u bil-miktub, mill-Avukat Ġenerali, fil-kuntest ta’ dawn ir-rapporti tal-FIAU.”

“Ma kienx ordinarju. Bilfors f’każ bħal dan ridna jkollna l-konfort tal-Avukat Ġenerali. Ir-rapport kien jirrigwarda r-relazzjoni tal-persuni li semmejt, fil-kuntest tal-Panama Papers.”

Qal li l-Avukat Ġenerali ta parir, fost l-oħrajn, li l-Pulizija “għandha teżerċita d-deċiżjoni tagħha b’mod kawt, u ssaqsi għal provi sostanzjali kbar qabel ma timxi.

Kompla jispjega li fit-23 ta’ Mejju, kellu laqgħa ma’ Valletta u Abdilla dwar dan.

“Qabel ma tkellem persuna, l-ewwel ħaġa li trid tagħmel hi li tiġbor l-evidenza, u tippreservaha.”

Qal li fit-23 ta’ Mejju, iltaqa’ ma’ Abdilla u Valletta. Il-parir li ngħata lilhom kien li kellhom jirċievu tliet rapporti dwar dan is-suġġett partikolari mingħand l-FIAU. Mistoqsi milll-Imħallef Lofaro dwar ir-rapport preliminari, il-feedback mill-Investigaturi kien, li kien hemm tliet rapporti li biex issir ċerta investigazzjoni jkun aħjar li jkunu f’idejna. Qal li “iddeċidejna nistennew iktar dettalji mill-FIAU. Fit-12 ta’ Lulju tal-2016, rċevejna l-ewwel rapport tal-FIAU, dwar ir-relazzjoni bejn Schembri u Brian Tonna, liema rapport kien jindika tliet pagamenti depożitati fl-account tal-kumpanija WIllerbee. Kien jingħad li saru żewġ pagamenti ta’ €50,000 il-wieħed, tramite PIlatus Bank, bħala parti minn ħlas ta’ loan wara li kien assistieh fuq proċeduri ta’ separazzjoni.

Sostna li fit-2 ta’ November 2016, huma rċevew it-tieni rapport, dwar Keith Schembri u r-relazzjoni tiegħu ma’ Adrian Hillman. Qal li r-rapport kien jindika pagamenti li għamel Schembri direttament, jew minn kumpaniji differenti, lil Hillman. Qal li t-tielet rapport kien dwar ir-relazzjoni bejn Keith Schembri u Konrad Mizzi.

Mistoqsi mill-Qorti jekk kellux jaġixxi, hu saħaq li l-Pulizija bdiet taġixxi billi tikseb id-dokumentazzjoni. “Bniedem tinvestigah naqbel, però l-ewwel tarrestah u tiġbor l-evidenza, jew viċi versa?”

“Din kienet il-perċezzjoni, li m’għamilna xejn, però mhix vera. Bdejna niġbrru l-informazzjoni mill-Banek. Il-parir li ngħatajna kien li nistennew t-tliet rapporti tal-FIAU qabel nibdew.”

10.33: “Pajjiżi li kienu jinkludu Montenegro, Singapore, China, UAE. Tkellimna tramite l-Europol channel biex nitkellmu ma’ pajjiżi bħal-Latvja u r-Renju Unit.”

“Sirna nafu bil-Panama Papers mill-midja. Hemm proċedura li, jekk tkun Kummisarju, jew Assistent Kummissarju, anke jekk ma ssegwix inti personali, is-CMRU kienu responsabbli milli jieħdu cuttings ta’ affarijet interessanti għall-affarijiet tagħna, fosthom il-Panama Papers.”

“Hemm barra kien hemm il-perċezzjoni, jew kien hemm min jagħti l-impressjoni, li l-Kummissarju Lawrence Cutajar qiegħed jiipproteġi lil xi ħadd. Jiena ilni tmien xhur barra: L-investigazzjonijet għadhom għaddejjin. Meta tlaqt jiena, tmien xhur ilu, l-istess investigazzjonjiet baqgħu għaddejin bl-istess ritmu. Għaliex però qegħdin jgħidu li jiena kont qiegħed nipproteġi lil xi ħadd?”

“Hemm min ukoll jagħti l-impressjoni li l-investigazzjonijiet bdew meta telaq il-Kummisarju Cutajar. Mhix veru xejn, dawn l-investigazzjonjiet ilhom għadejjin snin. Jiena qatt ma pproteġjet lil-ħadd.”

Mistoqsi dwar xi bdiet għamlet il-Pulizija xħin saret taf bil-każi tal-Pulizija, hu qal li ma jistax jgħid biċ-ċertezza jekk il-ħidma tal-Pulizija bdietx qabel ma ħarġet l-aħbar. Però, qal li l-parir tal-AĠ ħaduh wara r-rapporti ta’ Galdes. “Meta bdejt jiena, is-Sur Abdilla kien Supretendent (fl-2014) u s-Sur Valletta kien Assistent Kummisarju, it-tnejn kienu responsabbli. Abdilla sar Assistent Kummissarju però baqa fl-istess sezzjoni, waqt li Valletta sar Deputat Kumissarju.”

Filwaqt li ma jikkonfermax fuq it-tielet rapport, dwar it-tieni rapporti u l-ewwel wieħed preliminari jgħid li saru meta Abdilla u Valletta kienu risponsabbli.

Darba għamilt rakkomandazzjoni lill-FIAU, meta s-Sur Valletta ma kienx hemm. Valletta kellu rwol uffiċjali fil-Pulizija biex jinvestiga l-FIAU, però kien ukoll membru tal-Bord tal-FIAU.

“Jiena nifhem li l-informazzjoni mis-severs ta’ Nexia BT inġabru. Però, nammetti li miniex f’pożizzjoni li nikkonferma.”

Mistoqsi jekk fl-opinjoni tiegħu l-Korp naqasx, l-eks-Kummissarju saħaq: “Dakinhar, imxejna fuq il-pariri li ddeċidejna.”

L-Imħallef Lofaro tfakkar lil Cutajar: “L-inkjesti maġisterjali ma jeżonerawx lill-Pulizija mill-obbligu tagħhom biex jinvestigaw.”

Cutajar jikkonferma li l-Pulizija interrogat lil Karl Ċini, però dan sar wara perjodu ta’ sentejn mill-ewwel żviluppi.

10.57: L-Avukata Therese Comodini Cachia saħqet: “kontu konxji, anke milll-parir tal-AG u mix-xhieda ta’ Abdilla li jekk kontu tistennew iż-żmien, kien hemm ċans ikbar li l-informazzjoni tiġi mneħħija.”

Cutajar wieġeb: “Tkellimt mal-investigaturi, u qbilna flimkien li fiċ-ċirkostanzi, kien aħjar li aħna nistennew t-tliet rapporti biex nimxu għaliha.”

Cutajar saħaq li hu ma kienx jaf li Nexia BT ma kellhomx uffiċċju fi ħdan l-Uffiċċju tal-Prim Ministru.”

“L-ebda Ministru, u lanqas il-Prim MInistru, ma kienu jibagħtu għalina fuq dawn l-investigazzjonijiet.

“Inti trid tibgħat għall-persuni meta jkollok l-evidenza f’idejk. Il-kunċett tal-investigazzjoni hi sempliċi: L-ewwel evidenza, imbagħad tressaq in-nies. Dawn it-tmien xhur minn mindu tlaqt hi konferma li aħna mxejna tajjeb.”

Il-Qorti tisħaq li filwaqt li l-Pulizija kient qiegħda tfittex informazzjoni mill-erba’ rwieħen tad-dinja, l-informazzjoni li kellha taħt imneħirha skartawha. L-Imħallef Lofaro ssaqsi jekk kellhomx il-Pulizija jaġixxu b’mod iktar veloċi. Cutajar qal li “jiena kelli fiduċja assoluta f’ta taħti.”

L-Imħallef Said Pullicino jistaqsi: “Ma taħsibx li kellkom evidenza biżżejjed biex, jekk mhix għal reat, attentat ta’ reat?”

Cutajar saħaq li l-evidenza kienet li kienet, u kienu għaddejjin biex jiġbru iktar.

Il-Qorti ssaqsi jekk huwa kienx iktar attiv f’dawn l-investigazzjonijiet, iżda l-Kumissarju jwieġeb: “ir-rwol tiegħi hu li nassigura l-aspett loġistiku.”

“L-iktar li niftakar li kelli kuntatt mal-Prim Ministru, hu fuq l-immigrazzjoni u fuq il-Ħamrun u l-Marsa. Għal affarijiet bħal dawn, kelli Assistenti Kummissarji jew Deputati Kummissarji responsabbli.

“Miegħi, il-Prim Ministru qatt ma tkellem.”

Mistoqsi mill-Qorti jekk huwa qarax ir-rapporti tal-FIAU, hu saħaq: “Qrajt b’mod in ġenerali, fosthom il-konklużjonijiet, però mhux kompletament.”

“JIena infurmat li rapport ħolisitku fuq il-Panama Papers kollha, sas-16 Jannar 2020, ma rċevejna qatt.”

Mistoqsi jekk sakemm kien Kumissarju tal-Pulizija, saritx investigazzjoni ħolisitka fuq il-Panama Papers, Cutajar qal li “Le, ma jidhirlix. Ma saritx investigazzjoni fuq mitejn persuna. Saru investigazzjoniiet fuq persuni speċifiċi, però ma tressaq ħadd il-Qorti.”

“Tajjeb ngħid li r-rata ta’ kriminalità waqt li jiena kont Kumimsarju tal_pulizija naqset b’10%. Qbadna droga fi tliet snin daqs kemm qabdu fl-għaxar snin preċedenti. Tejjibt ir-rinovazzjoni tal-Għases, fuq il-ftehim settorjali. Dan hu kollu r-rwol tal-Kummissarju. Kont niddedika jumejn u tliet snin man-nies, qalbi kienet maż-żgħir.”

11.12: Rigward Caruana Galizia, Cutajar saħaq li hemm diversi proċeduri biex tingħata protezzjoni. “Hemm dik li tagħti protezzjoni ta’ ftit jiem, li tkun fuq livell ta’ distrett. Protezzjoni bħal fixed point, jew f’sigħat partikolari jew bażi ta’ 24 siegħa. Hemm ukoll patrol frekwenti, kif ukoll metodi oħra. Fejn jidħlu fixed points, id-Depot hemm file li fih jiġu aġġoranti kull xahar, jitla’ għand il-Kummissarju biex jara l-fixed points.”

“Fejn tidħol Caruana Galizia, ħadt naqra noti. Is-Sinjura Caruana Galizia, għassa mar-residenza tagħha, skont dan il-file, kellha erba’ darbiet: Bejn id-9 ta’ Marzu 2008 sa 20 ta’ Marzu 2008; 6 ta’ Settembru 2010 sa 3 ta’ Ottubru 2010 (ftit inqas minn xahar). Bħala fixed poiint, din inqatgħet fit-3 ta’ Ottubru 2010.

Ma teżisti ebda raġuni partikolari għalxiex il-fixed point ġiet imneħħija minn mar-residenza, jew għalxiex l-istruzzjonijiet inbidlu għal frequent patrols. Kellha wkoll protezzjoni bejn Marzu 2013 (waqt il-perjodu tal-elezzjoni), kif ukoll bejn l-4 ta’ Ġunju 2017 sas-6 ta’ Ġunju 2017 (elezzjoni oħra).

“Li nista nikkonferma biss huwa l-file: Jiena ma biddilt xejn mill-istruzzjonijiet li kien hemm fl-2010.”

Il-Qorti tirrikonoxxi li dakinhar ma kinux għadhom ħarġu l-Panama Papers, li saru allegazzjonijiet kontra nies b’saħħithom, fosthom politiċi u negozjanti. Tgħid li “l-kitba tagħha, anke jekk kienet qarrieqa jew niggieża, xorta laqtet fil-laħam il-ħaj.”

Tistaqsi jekk “il-Pulizija ma tħossx il-bżonn, li l-potenzjal ta’ theddida, u r-riskju li qiegħda tesponi għalih. Ma tħossx il-bżonn li jkun hemm żieda fil-protezzjoni?”

Cutajar iwieġeb: “Jiena qatt ma tlabt. Però, jekk is-Sinjura Caruana Galizia ma kellhiex relazzjoni tajba miegħi, jekk ħasset li kienet tinsab f’periklu, setgħet liberalment tkellmet mal-Pulizija. Dik hi l-proċedura normali. Meta persuna tħossha f’periklu, titlob protezzjoni. Dan ma sarx.”

“Jiena meta lħaqt Kummisarju tal-Pulizija, ġurnata wara li nqatlet Daphne, kellimni r-raġel tagħha u qalli li qiegħed iħossu mhedded. Aċċettajna t-talba tiegħu u għamilna fixed point.”

Mistoqsi dwar jekk kellux printouts tal-blog ta’ Caruana Galzia, Cutajar wieġeb iva.

“Inti u tara l-artiklu, qatt ma ħsibt li kien hemm xi żieda fil-periklu?”

Cutajar wieġeb: “Il-pubblikazzjonijiet minnhom nfushom ma kinux biżżejjed għalina li naqbdu u nagħtu protezzjoni. Din tingħata jekk titlob għalina. X’kien qiegħed iżomm milli tiltaqa’ magħna?”

Cutajar jikkonferma li ma kienx hemm proċeduri interni fil-Pulizija, fejn ġurnalisti li kienu jħossuhom taħt theddida, mingħajr ma jitolbu għall-għajnuna, ma jingħatax protezzjoni awtomatikament.

“Jekk bniedem iħossu f’ċertu periklu, dan għandu jiġi għand il-Pulizija. Risk assessment ma tagħmlux il-Pulizija, dan isir mill-MSS. F’każi high profile minn dawn, l-MSS jieħdu ħsiebu. Fuq Caruana Galizia, qatt ma kien hemm dan it-tip ta’ diskussjonijiet. Lili bħala Lawrence Cutajar, l-MSS qatt ma tawni nota li l-ħajja tagħha għaddejja minn periklu.”

11.30: Mistoqsi wkoll dwar17 Black, u t-tensjoni li kien hemm dakinhar, Cutajar jerġa jisħaq: “Ma kien hemm xejn li jimpedixxi lil Caruana Galizia milli ssaqsi għall-protezzjoni.”

Cutajar jisħaq li hu jaqbel li jkun hemm protezzjoni aħjar għall-ġurnalisti. Mistoqsi jekk kienx diġà jaħseb fuq xi proċeduri interni li l-Pulizija jistgħu jaddattaw f’dawn iċ-ċirkostanzi. Cutajar jisħaq: “Jekk ħa tiftħu l-bibien, ħa tiftħu għal kulħadd. Jiena nemmen li jkun hemm bord li jinvolvi l-Pulizija, l-MSS u l-Armata, li jevalwa r-riskju, però xorta jibqa l-fatt li l-importanti hi r-riżorsi li għandhom il-pulizija.”

Dwar l-assassinju ta’ Caruana Galizia, il-Qorti staqsiet jekk Cutajar qatt kellu xi kuntatt mat-tliet persuni tal-aħwa Degiorgio, VInce Muscat u Yorgen Fenech.

“Meta kont nitkellem mal-investigaturi, kont nitkellem l-iktar ma’ Silvio Valletta. Speċjalment mal-ewwel tlieta. Nimxu fuq evidenza forensika, flimkien mal-Europol u l-FBI.”

“Tlett ijiem qabel saru l-arresti tat-tlieta, ġie jkellimni Valletta, u qalli li se jsiru l-arresti, tal-10 persuni kollha. Niftakar ngħidlu li “l-importanti li jekk isiru, li għandna evidenza f’idejna li jekk ma ressquhom l-10, ikollna x’inressqu.”

“Jiena li kien hemm miegħi biss dakinhar, kienu membri tas-Servizz. Il-Prim Ministru ma kienx miegħi. Jiena kont involut biss fil-kwistjoni tal-proklama. Fil-briefings li saru mal-Prim Ministru, kien hemm biss Valletta u Arnaud.

11.37: Cutajar saħaq li saret tfittxtija fl-uffiċċju ta’ Keith Schembri wara l-arresti, però mhux qabel. Qal li lanqas meta ismu tfaċċa fil-Panama Papers, ma saru tfittxijiet.

Huwa saħaq li l-isem ta’ Yorgen Fenech tfaċċa għall-ewwel darba meta bdew jissemmgħu r-recordings. Cutajar saħaq li l-Pulizija kienet qegħda tqis l-assassinju u r-rapport fuq 17 Black bħala li kienu investigazzjonijiet separati.

Rigward ir-rapport ta’ 17 Black, l-eks-Kummissarju qal li dan wasal għand Abdilla f’Marzu tal-2018, però l-Ispetturi Muscat u Aquilina bdew jinvestigaw qabel. Qal li kien jitkellem l-iktar ma’ Abdilla.

Spjega li xħin irċevew ir-rapport, bdew jiġbru l-informazzjoni minn entitajiet differenti, fosthom il-Banek. Saħaq li kien fis-27 ta’ Marzu 2018 li rċevew ir-rapporti.

L-eks-Kummissarju qal li l-FIAU fi Frar kien diġà jaf 17 Black ta’ min hi, però r-rapport fuq il-kumpanija daħallu f’Marzu.

Qal li ħaduh f’idejhom l-Ispetturi Aquilina u Muscat, fejn bdew l-investigazzjonijeit tal-Pulizija. Qal li fejn tidħol 17 Black, ukoll kien hemm problemi mal-Emirati biex tinġabar l-informazzjoni.

Sostna li delegazzjoni tal-Pulizija telgħu Dubai, però xorta kien hemm problema.

Saħaq li “sakemm l-investigazzjonijiet għadhom għaddejin, ma nistax nikkonkludi li 17 Black hi proprjetà ta’ dak jew ta’ dik. Suspetti jkun hemm, però minn meta tlaqt jien, din kienet għadha għaddejja.”

Peress li fit-30 t’Ottubru kien żvelat li 17 Black, kienet proprjetà ta’ Yorgen Fenech, l-eks-Kummissarju jiġi mistoqi jekk minn dakinhar l-investigazzjoni baqgħetx għaddejja. Cutajar saħaq li l-Pulizija baqgħet tinvestiga. Mistoqsi dwar il-ħbiberija bejn Valletta u Yorgen Fenech, Cutajar saħaq li sar jaf “wara li telaq mill-Pulizija, mhux qabel.”

12.05: Mistoqsi dwar jekk kienx hemm xi diverġenza fuq kif ried jimxi hu, kif ukoll fuq kif ried jimxi l-Avukat Ġenerali, Cutajar saħaq li ġieli kien hemm dilemma, fosthom meta ġew fuq jekk kellhomx jagħtu s-salt fuq Theuma u r-recordings jew le.

“JIena kont konvint li anke kieku mxejna fuq il-binarji tat-tieni pjan li kellna, konna naslu.”

Cutajar saħaq li l-leaks mill-FIAU ma jkunu biddlu xejn: “Bla sens li tavża bniedem li hemm investigazzjoni kontrik, għaliex xorta ħa jibqgħu għaddejjin.

“Il-Pjan B kien li ma nsemmux r-recordings, iżda li nressquh fuq ħasil tal-flus. Fil-fatt konna viċin li nagħmlu hekk, qabel ma sibna r-recordings.

“L-objettiv tagħna lħaqnih. Sibna t-tapes, imma għax il-Kumissarju Cutajar, għamilna ħażin.

“Mistoqsi fuq waqt l-arrest ta’ Theuma u Fenech, jekk qattx irċieva telefonati fuq kif sejrin l-investigazzjonijiet minn esponenti politiċi, qal li le.

Jekk Fenech qattx ta informazzjoni fuq episodji ta’ korruzzjoni rigward Keith Schembri, hu qal li iva.

Mistoqsi għalxiex ma nġiebx xi ħadd mill-Economic Crimes Unit meta ġie Fenech, Cutajar ħass li dakinhar, is-sitwazzjoni kienet waħda stressanti, bil-verżjonijiet differenti tax-xhud tinbidel.

Huwa saħaq li l-ħin kien qiegħed jagħfas fuq l-investigaturi, li dawn ħadu nota fuq dak li nqtal minn Fenech, però “it-triq primarja tagħna kienet li nsovlu l-qtil. Il-prijorità tagħna dakinhar kinet li l-investigazzjoni tad-delitt tiġi riżolta.

Dwar ir-rapport tal-proklama fil-konfront ta’ Melvin Theuma, Cutajar saħaq li hu ħallieh f’idejn l-investigaturi, u “jiena ma kellix x’naqsam miegħu.”

“Tajt daqqa t’għajn fuq l-abbozz, però ma ridtx nindaħal miegħu. Anke l-Prim MInistru u l-President kellhom it-test.

Mistoqsi fuq jekk il-Gvern tax inċentiv, gwida, parir lill-Korp tal-Pulzijia biex il-miljun Ewro tkun reklamata biex tinqabad u jiġi riżolt id-delitt, huwa wieġeb: “Le.”

Cutajar saħaq li hu ma kienx jaf li Abdilla kellu laqgħat ma’ Keith Schembri wara l-laqgħat tal-Panama Papers: “Le ma nafx bihom, lili ma infurmanix.”

Qal li kien hemm festin il-Girgenti fl-2019, li hu ngħata parir mill-MSS biex jibqa’ għaddej mill-istedina ta’ Yorgen Fenech. Mistoqsi jekk hu kienx involut biex jagħti parir fuq din l-istedina, hu qal li le.

“Jista’ jkun li jafu l-investigaturi, għax huma jkollhom laqgħat mal-MSS ħafna iktar mili miegħi.”

Is-seduta ġiet sospiża u Cutajar mistenni jkompli jixhed fit-2 ta’ Settembru, fid-9.30 a.m.

Issa tela’ xhud ieħor, is-Supretendent Antonovich Muscat. FL-aħħar seduta tiegħu, fi Frar, kien mistoqsi dwar jekk kienx hemm investigazzjoni mill-Economic Crimes UNit fuq storja miktuba minn Daphne Caruana Galizia dwar l-eks Deputat Governatur tal-Bank Ċentrali. Mistoqsi jekk kienx hemm mistoqsija, u jekk hu kienx involut.

Hu saħaq li din il-mistoqsija ma kinitx mistoqsija, però jikkonferma li saret investigazzjoni fuq l-eks-Deputat Governatur. Jgħid li dak iż-żmien kien Spettur u jgħid li 99% kien l-eks-Supretendent Raymond Aquilina li ħa ħsieb l-investigazzjoni fil-konfront ta’ Alfred Mifsud. F’dan il-każ, Daphne Caruana Galizia kienet allegat li kien hemm 50,000 Liri Maltin li tħallsu lil din il-persuna. Jgħid li l-Pulizija riedu jagħlqu l-kapitlu.

Sport