Monday, May 13, 2024

Tliet snin ħabs għal Ġermaniż li stupra Franċiża 

Aqra wkoll

Bjorn Reake, Ġermaniż ta’ 30 sena kien ikkundannat tliet snin ħabs wara li nstab ħati li stupra mara Franċiża fl-appartament tiegħu f’Tas-Sliema. Il-każ seħħ f’Ottubru ta’ sentejn ilu. 

Reake tressaq il-Qorti fejn kien mixli li fil-lejl ta’ bejn id-9 u l-10 ta’ Ottubru ta’ l-2021, stupra u wettaq atti sesswali fuq mara mingħajr il-kunsens tagħha. 

Mill-provi illi tressqu fil-Qorti rriżulta li l-imputat u l-vittma ltaqgħu permezz ta’ dating App ‘Tinder’, u t-tnejn li huma ftehmu sabiex ikollhom x’jaqsmu sesswalment flimkien. 

Fil-Qorti ntqal li dakinhar li seħħ il-każ, il-Ġermaniż u l-Franċiża ltaqgħu l-Belt u vvjaġġaw flimkien lejn Tas-Sliema. Ntqal ukoll li l-att sesswali sar fl-appartament fejn joqgħod ir-raġel. 

Min-naħa tagħha l-vittma xehdet li hija kellmet lil akkużat fuq Tinder u li meta darba minnhom tkellmu fuq is-sess bejniethom, għamlu ftehim li jiltaqgħu. Fil-Qorti, il-vittma, li hija ta’ dixxendenza Franċiża, tat deskrizzjoni tal-att sesswali li l-Ġermaniż, talabha biex jagħmel. 

Hija enfasizzat il-fatt li ħassitha umiljata b’dak li kien talabha biex tagħmel waqt l-att. Żedet tgħid li kien hemm atti sesswali li għamlithom minħabba l-fatt, li Reake kien sfurzaha minkejja li qaltlu li qiegħda tagħmilhom kontra r-rieda tagħha. Il-vittma għamlet rapport tlett ijiem wara li seħħ il-każ. 

Min-naħa tiegħu l-akkużat, xehed li hu kien iltaqa’ mal-vittma Franċiża sabiex jagħmel att sesswali magħha u xejn iktar. Huwa ta deskrizzjoni tal-att sesswali u rrimarka li dan kollu seħħ fl-appartament tiegħu f’Tas-Sliema. Bjorn Reake iżda ċaħad l-akkużi kollha miġjuba kontrih u qal li dak kollu li sar, seħħ bil-kunsens tagħha.

Wara li semgħet ix-xiehda taż-żewġ naħat, il-Qorti preseduta mill-Maġistrat Rachel Montebello ddikjarat li ma kinitx lesta li tiġġudika lil akkużat fuq l-aspett etiku jew morali dwar id-deċiżjoni jekk sess bejn żewġ persuni li ma jafux lil xulxin kienx għaqli jew le filwaqt li saħqet li l-vittma kellha aktar kredibilità fix-xhieda tagħha. 

Il-Maġistrat Montebello qalet li minn messaġġi li ntbagħtu bejn il-vittma u l-imputat jidher li r-raġel għandu karattru persistenti u li għalhekk impona  fuq il-vittma sabiex tagħmel ċertu atti sesswali li hi ma riditx. 

Apparti minn hekk, innutat ukoll li l-vittma riedet li l-att sesswali jsir bil-kontraċettivi u mingħajr sess anali, iżda minkejja x-xewqa tagħha, l-akkużat mar kontra r-rieda tagħha. 

Għaldaqstant, il-Qorti sabet lil Ġermaniż, Bjorn Reake ħati u kkundannatu tlett snin ħabs u multa ta’ €1,000 fi ispejjeż tal-esperti li tqabbdu fil-każ. Minbarra dan, il-Qorti ħarġet ukoll ordni ta’ protezzjoni ta’ tliet snin favur il-mara Franċiża.

Sport