Saturday, December 21, 2024

Tliet xhur ħabs għal ġuvni li seraq minn dar ta’ anzjana li tiġi z-zija ta’ missieru

Aqra wkoll

Ġuvni ta’ 18-il sena mill-Imsida ntbagħat tliet xhur ħabs wara li l-Erbgħa li għadda seraq u darab anzjana ta’ 77 sena, li tiġi z-zija ta’ missieru. 

Dante Buhagiar tressaq quddiem il-Maġistrat Monica Vella fejn kien mixli wkoll li kiser żewġ ordni ta’ probations mogħtija lilu s-sena li għaddiet u li għadhom fis-seħħ.

Il-Prosekuzzjoni qalet li l-vittma kienet vulnerabbli ħafna u kienet fortunata li ma sofrietx ġrieħi agħar. Intqal ukoll li l-ordnijiet ta’ probation kienu fuq serq mill-istess vittmi.

“Issa dan kollu qed isir aktar serju billi qiegħda tintuża wkoll il-vjolenza,” qal l-Ispettur Stephen Gulia. Huwa żied jgħid li l-uffiċjal tal-probation li kienet qiegħda ssegwi l-imputat qalet lill-Pulizija li huwa ma kienx qiegħed jikkopera.

Peress li Buhagiar deher li ma apprezzaw iċ-ċansijiet mogħtija lilu, u fid-dawl tal-fatt li l-vittmi huma anzjani, il-Qorti qalet li ma tistax terġa’ tagħtih opportunità oħra għaliex kienet it-tielet darba li mar jisraq mingħand l-istess persuna. 

Il-Prosekuzzjoni rrimarkat li s-sentenza kienet taħt il-minimu skont il-liġi, iżda l-Qorti qalet li kienet qiegħda tqis l-età tal-imputat u l-ammissjoni bikrija tiegħu. Il-Maġistrat estendiet ukoll l-ordnijiet ta’ probation ta’ Buhagiar bi tliet snin. 

L-Avukat Martin Fenech deher għal Buhagiar. 

Ekonomija

Sport