Tliet persuni tressqu fil-Qorti b’rabta mal-ħruq ta’ karozza f’Ħal Safi, u ammettew l-akkużi miġjuba fil-konfront tagħhom.
L-akkużati huma Dennis Attard ta’ 49 sena minn Birkirkara, Claire Azzopardi ta’ 46 sena u Stefania Mifsud ta’ 45 sena, it-tnejn minn San Pawl il-Baħar.
Attard waħdu kien mixli li fl-10 ta’ Marzu li għadda ta nar lil karozza ta’ mara u li naqas milli jħares il-kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest fuq każ li għandu fil-Qorti. Iż-żewġ nisa kienu mixlija li kienu kompliċi f’dan ir-reat.
L-imputati tressqu quddiem il-Maġistrat Caroline Farrugia Frendo, fejn wieġbu ħatja tal-akkużi. Id-Difiża talbet għall-ħelsien mill-arrest b’dik ta’ Attard u Azzopardi tiġi miċħuda mentri dik ta’ Mifsud ġiet aċċettata.
Il-Qorti mistennija tagħti s-sentenza fis-27 ta’ Marzu li ġej.
Sadanittant, inħarġet ordni ta’ protezzjoni favur il-vittma.
Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispetturi Keith Rizzo, Doriette Cuschieri u Wayne Camilleri flimkien mal-Avukati Giuliana Magro Conti mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali.
Għall-imputati dehru l-Avukat Josè Herrera u Julia Micallef Stafrace mentri għall-vittma deher l-Avukat Franco Debono.