Wednesday, April 24, 2024

Tmiem Sentimentali

Mario Azzopardi
Mario Azzopardi
Kritiku tal-Films

Aqra wkoll

Għall-ewwel darba minn kemm ilha li bdiet pandemija, l-industrija ċinematografika tista’ tieħu nifs ġewwa.  Jekk nieħdu l-box office internazzjonali ta’ tmiem il-ġimgħa, il-film Ċiniż “The Battle of Lake Changjin” kellu dħul ta’ $203 miljun.  “No Time to Die” (li għadu ma bediex jintwera fl-Istati Uniti għax jiddebutta nhar il-Ġimgħa 8 ta’ Ottubru) kellu dħul ta’ $119-il miljun.  Fl-Istati Uniti, “Venom: Let There Be Carnage” kellu dħul ta’ $90.2 miljun bejn il-Ġimgħa u l-Ħadd; ċifra ferm għola minn dik mistennija.

Għal dik li hi box office Amerikana ta’ tmiem il-ġimgħa, ma’ l-ewwel ħamsa hemm żewġ films oħra li bdew jintwerew.  Is-sequel animat “The Addams Family 2” iddebutta b’dħul ta’ $18-il miljun u tela’ fit-tieni post.  “The Many Saints of Newark” iddiżappunta meta fetaħ b’dħul ta $5 miljun.  Fit-tielet u fil-ħames post, wieħed isib rispettivament “Shang-Chi and the Legend of the Ten Rings” u “Dear Evan Hansen”.

No Time To Die

Sa fl-aħħar, il-25 film mis-sensiela ta’ James Bond nistgħu narawh.  L-era ta’ Daniel Craig tintemm u tibda l-ispekulazzjonijiet min ser jilbes (jew tilbes?) iż-żarbun tiegħu.

Maħdum taħt id-direzzjoni ta’ Cary Joji Fukunaga, hu teknikalmnet, tajjeb. Ma nħoss li hu wieħed konvenzjonali.  Narah aktar bħala tislima xierqa għal Daniel Craig li dejjem wera li fuq kollox hu attur li kapaċi jġorr waħdu fuq spallejh il-film mingħajr l-għajnuna ta’ gadgets esaġerati u mingħajr il-ħtieġa li jmur fis-sodda ma’ kull mara li jiltaqa’ magħha.

Il-film jaħsdek kif jibda.  Lil Madeleine (il-parti li meta tikber hi interpritata minn Léa Seydoux kemm f’“Spectre” kif ukoll f’dan) insibuha għadha tifla, iffaċċjata minn wieħed b’maskra bajda li ġie biex joqtol lill-missierha.  Dan tal-maskra joqtol lill-ommha imma lilha jsalvha meta taqa’ f’għadira ffriżata.

Wara, naraw lil Madeleine adulta, fil-karozza Aston Martin ma’ James Bond (Daniel Craig).  Bond li jkun rtira għal kollox mis-servizz sigriet Ingliż ma jdumx ma jerġa jsib ruħu fl-eqqel tal-azzjoni.  Dan għax it-trankwilità ta’ bejniethom tintemm b’xena spettakolari fit-toroq u l-pjazza f’Matera, l-Italja.  L-aġenti ta’ Spectre kienu sabuh hemmhekk ukoll.  Kif?  Il-ħarsa ta’ Bond lejn Madeleine hekk kif il-karozza tkun qegħda taqla’ dawk il-bullets kollha tatik it-tweġiba. 

In-narrativa ewlenija tal-film isseħħ ħames snin wara is-sekwenza tal-bidu.  F’Santiago de Cuba, l-aġent u kollega taċ-CIA, Felix Leiter (Jeffrey Wright), akkumpanjat mill-aġenta Paloma (Ana de Armas) jitolbu l-agħajnuna ta’ Bond.  Dan għax l-aġenti ta’ SPECTRE ikunu qed jiltaqgħu hemmhekk wara li ħatfu f’idejhom Project Heracles — il-produzzjoni ta’ kimika velenuża li malli tidħol fid-demm tal-ġisem tal-bniedem, tossifika d-DNA, u dan il-velenu jista’ jinxtered minn bniedem għall-ieħor (l-iskript li kien lest qabel il-pandemija kważi antiċipa l-virus tal-COVID-19).  

Sadanittant, Bond u Madeleine ikunu qabdu toroq differenti.  Jerġa jġibhom flimkien Ernst Stavro Blofeld (Christoph Waltz), issa priġunier f’ċella sofistika f’Londra, fejn aktar qiesu Hannibal Lecter.  Waltz ħassejtu aktar minaċċjuż minn meta rajnih f’“Spectre”.  

Il-villain propja ta’ “No Time To Die” hu Rami Malek fil-parti ta’ Lyutsifer Safin.  Hu jopera minn gżira rimota, fejn ikun qed jipperfezzjona il-velenu u x’ried bih.  L-ambjent tal-laboratorju fejn jiġri dan kollu ifakkrek f’“You Only Live Twice”.  Bond ikollu l-għajnuna ta’ Nomi (Lashana Lynch) li kienet ingħatat in-numru 007.

Dak li jagħmel il-villain Safin b’saħħtu u oxxen hu fil-mod kif jimponi ruħu fil-ħajja ta’ Bond, ta’ Madeleine, u ta’ bintha Mathilde.  Bond irid isalva id-dinja minn dan il-megalomanijaku; irid isalva lil Madeleine u lil Mathilide; irid isalva lilu nnifsu. Jista’jsalva dan kollu?  Huwa tmiem dekoruż, stravaganti u sentimentali għal James Bond tal-era ta’ Daniel Craig.  

Gwida għal min ser jarah: ikklassifikat 12A (persuni taħt it-12-il sena jridu jkunu akkumpanjati minn adult) minħabba l-vjolenza moderata li fih kif ukoll kliem iebes u mhux xieraq.

Wirja – The Jazz Singer

Bħal-lum 94 sena ilu, kien iddebutta f’New York, “The Jazz Singer” li hu l-ewwel film li fih l-atturi jinstemgħu jitkellmu.  Il-protagonist f’dan il-musical drammatiku hu Al Jolson.  

Il-fergħa Maltija tas-Soċjeta’ Internazzjonali Al Jolson tqis is-6 ta’ Ottubru bħala ‘Jum it-Talkies’.  

Biex tiċċelebra dan l-avveniment, din il-fergħa qegħda itella’ wirja dwar dan il-film fit-tieni sular tal-kumpless taċ-ċinema li hemm fi Triq Ħaż-Żabbar, il-Fgura.

Il-wirja tkun miftuħa l-ġurnata kollha sas-Sibt 16 ta’ Ottubru 2021.  Il-Wirja tinkludi ritratti kif ukoll tagħrif dwar “The Jazz Singer”.  Id-dħul għal din il-wirja hu bla ħlas.  Għal aktar tagħrif ċempel wieħed jista’ jċempel fuq 99880489.

Sport