Wednesday, October 9, 2024

LE GĦALL-AĠĠETTIVI KOROH!

Luana Cini
Luana Cini
Sinoloġista

Aqra wkoll

Għaddew ġimagħtejn mindu t-tifel tiegħi beda l-iskola. Għad għandu tliet snin u sakemm beda, kelli taħlita t’emozzjonijiet. Dawk ta’ ferħ, eċitament kif ukoll biża’. Dan għaliex, sfortunatament meta jien kont żgħira ma kellix l-iktar ħajja feliċi l-iskola. Għaddejt minn snin twal ta’ bullying u waħda mill-ikbar beżgħat f’ħajti hija li ibni jista’ jisfa vittma ta’ dan l-istess tip t’abbuż. Abbuż li kif jgħid il-Malti, lanqas tridu fuq l-ikbar għadu tiegħek aħseb u ara fuq uliedek.

Qed nikteb dan l-artiklu waqt li qed taqbiżli xi demgħa jew tnejn. It-tgħajjir beda meta kien għad kelli 9 snin: “ħoxna”, “sid il-ħanżir”, “kerha” u kull aġġettiv ieħor li tistgħu timmaġinaw. Kont kwieta u ħbieb kelli ftit li xejn. Kważi kważi kont nibża’ minn kulħadd għaliex f’moħħi kelli biss il-ħsieb li kull min se jiġi f’kuntatt miegħi, kien se jkellimni biex jgħajjarni. Niftakar il-ġenituri tiegħi kienu mkissrin jaraw lili mdejqa u minn kollox pruvaw jagħmlu biex jarawni kuntenta imma ta’ kuljum, kont immur id-dar nibki. Niftakar lill-ommi tibki miegħi. Saħansitra darba, omm waħda mill-bullies, kienet ġiet l-iskola biex terfgħa idha fuqi għax marret tgħidilha li jien kont qed naqbad magħha. Bi swied ta’ qalb ikolli nammetti, li l-iskola fejn kont nattendi ma tantx kienet t’għajnuna u ħalliet kollox għaddej mingħajr qatt ma ttieħdu passi. Minn studenta li dejjem inġib marki tajbin f’kull suġġett, spiċċajt kważi ma ngħaddi minn l-ebda eżami. Meta kelli 16-il sena dħalt il-Junior College u malli ltqajt ma’ nies ġodda, nies li għadni ħbieb magħhom sal-lum, bdejt inħossni aħjar imma għalkemm pruvajt naħrabhom lil dawn il-‘bullies’, kienu jmorru fl-istess 6th Form u anke hemm pruvaw jagħmluli ħajti miżerja. Imma saħħejt il-karattru u ma aċċettajtx li nibqa’ niġi stmata ħażin. 

Snin kbar wara u għadni noħlom ikrah. Tistaqsuni, possibli m’għaddilekx? Sfortunatament, hekk kif esperjenzi sbieħ ma jintesew qatt, l-istess dawk koroh. Dan l-artiklu ktibtu għal raġuni. Ġieli nkun miexja fil-kampanja waħdi u noqgħod nirrifletti. Ħafna drabi, l-imġiba ta’ bullying tista’ tintuża biex wieħed jikseb status soċjali; meta l-bully jkollu xewqa għal poter jew dominanza; bullies ikollhom tendenza li jwaħlu f’ħaddieħor għal problemi tagħhom; ikollhom ħbieb li jwettqu l-istess tip t’imġiba jew ikollhom ġenituri li jgħalqu għajn waħda għal dak li jkunu qed jagħmlu wliedhom; dawk fost ħafna raġunijiet oħra.

Mill-esperjenza kerha li għaddejt minnha jien u issa li sirt omm għandi ftit pariri li xtaqt naqsam magħkom. Lill-ulied għożżuhom; isimgħuhom; tuhom is-sapport kollu tagħkom; kunu l-ikbar ħbieb tagħhom; tgħarrfu lil uliedkom li l-bullying huwa ħażin kif ukoll att serju u inaċċettabbli; aħdmu id f’id mal-iskejjel sabiex jiġi skoraġġut il-bullying; involvu lill-għalliema tat-tfal meta jinqala’ każ ta’ bullying. It-tim interprofessjonali kollu għandu jkun konxju kemm tas-sinjali kif ukoll tas-sintomi. Xi kultant il-ġenituri huma l-aħħar li jsiru jafu għaliex mhux l-ewwel darba fejn smajt li ċertu vittmi jmorru jitkellmu l-ewwel ma’ xi għalliema tal-iskola qabel ma jitkellmu mal-ġenituri tagħhom.

Irridkom tiftakru ħaġa waħda biss, jien li għaddejt minn bullying noħlom ikrah xi ftit drabi matul is-sena, ħaddieħor hawn min spiċċa wettaq suwiċidju. Allura għandna ngħallmu lill-uliedna biex dejjem inkunu ġentili u nirrispettaw lil xulxin.

Sport