Saturday, December 14, 2024

Tnaqqis fil-persuni jirreġistraw għax-xogħol f’Diċembru

Aqra wkoll

FʼDiċembru tal-2023, in-numru taʼ persuni jirreġistraw għax-xogħol kien taʼ 955, li huma tnaqqis taʼ 91 persuna meta mqabblin mal-istess xahar fl-2022.

Tagħrif mogħti minn Jobsplus juri li, sena għal sena, fʼDiċembru 2023 kien hemm tnaqqis taʼ 86 persuna jirreġistraw fl-Ewwel Parti tar-Reġistru tal-Qgħad u tnaqqis taʼ ħames persuni li kienu qegħdin jirreġistraw fit-Tieni Parti tal-istess reġistru. It-tnaqqis fir-reġistrar deher fil-gruppi tal-età kollha. L-irġiel kienu jgħoddu mas-67.2 fil-mija taʼ dawk li kienu qegħdin jirreġistaw.

Sena għal sena, kien irreġistrat tnaqqis taʼ 42 persuna kemm fl-għadd taʼ dawk li kienu ilhom jirreġistraw għal anqas minn 21 ġimgħa kif ukoll fl-għadd taʼ dawk l-oħra li kienu ilhom jirreġistraw bejn 21 u 52 ġimgħa. Kien hemm ukoll tnaqqis minimu fost dawk li kien ilhom jirreġistraw għal aktar minn sena.

FʼDiċembru 2023, in-numru taʼ persuni bʼdiżabbilità li kienu qegħdin jirreġistraw għax-xogħol żdied bʼwieħed meta mqabbel mas-sena taʼ qabel, sabiex laħaq il-229 persuna. L-irġiel kienu jgħoddu 76.2 fil-mija tal-għadd sħiħ taʼ dawk imniżżlin fir-reġistru tal-qgħad bħala persuni bʼdiżabbilità.

L-irġiel u n-nisa fuq ir-reġistru tal-qgħad kienu qed ifittxu l-aktar impjiegi taʼ appoġġ klerikali, bi 23.8 fil-mija u bʼ40.9 fil-mija, rispettivament.

Ekonomija

Sport