Żewġt irġiel li allegatament kienu involuti fi ġlieda f’appartament f’Ħal Luqa fejn intużat ukoll sikkina, inżammu taħt arrest preventiv wara li wieġbu mhux ħatja tal-akkużi miġjuba kontrihom.
Mustafa Duale Abokor ta’ 43 sena u Abraham Abrahm Abdi Ahmed ta’ 24 sena, it-tnejn mis-Somalja, tressqu separatament fil-Qorti mixlija li kkaġunaw ġrieħi gravi lil xulxin.
Il-Qorti semgħet kif l-argument bejniethom jidher li beda minħabba kwistjoni relatata mal-kera. Abokor kien ippermetta li Ahmed joqgħod temporanjament fl-appartament tiegħu f’Ħal Luqa, fejn kienu joqogħdu wkoll ħames persuni oħra.
Madankollu, inqala’ l-inkwiet meta ħin minnhom Ahmed allegatament kien irritorna fl-appartament fis-sakra. L-ewwel rapporti kienu jindikaw li Abokor ħebb għal Ahmed li rreaġixxa biex jiddefendi lilu nnifsu. Iżda ż-żewġt irġiel taw verżjonijiet differenti ta’ kif seħħ il-każ.
L-avukati ta’ Abokor ikkontestaw il-validità tal-arrest, u argumentaw li huwa kien ingħata l-police bail wara l-allegat attakk. L-Ispettur Gabriel Kitcher, li mexxa l-Prosekuzzjoni, irribatta billi qal li l-imputat ingħata l-police bail biss minħabba li kellu jiġi rikoverat l-Isptar u bil-kundizzjoni li jmur l-għassa meta jkun rilaxxat mill-istess sptar.
Il-Maġistrat Gabriella Vella ddikjarat l-arrest tiegħu bħala wieħed validu. Fil-Qorti mbagħad saret talba għall-ħelsien mill-arrest tal-imputati, bil-Prosekuzzjoni toġġezzjona minħabba l-biża’ ta’ intralċ ta’ provi.
Il-Qorti ċaħdet it-talba għal-libertà proviżorja u għaldaqstant inżammu taħt arrest preventiv fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin.
Il-Prosekuzzjoni tmexxiet ukoll mill-Avukat Etienne Savona mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali.
L-Avukat Mark Mifsud Cutajar deher għall-imputati.