Sunday, November 24, 2024

Tnejn mixlija li ħebbew għal xulxin bi skieken

Aqra wkoll

Żewġt irġiel tressqu l-Qorti mixlija li ħebbew għal xulxin bi skieken fi ġlieda fl-Imsida l-Ħadd waranofsinhar.

Bakary Fatou Bojang mill-Gambja u Calvin Mallia tressqu separatament quddiem il-Maġistrat Astrid May Grima fejn wieġbu mhux ħatja tal-akkużi miġjuba kontra tagħhom.

L-Ispettur Roderick Attard spjega fil-Qorti kif il-pulizija kienet irċeviet rapport dwar ġlieda fi Triq il-Prinċipessa Margerita. L-uffiċjali tal-pulizija marru fuq il-post u hemm sabu raġel, li aktar tard ġie identifikat bħala Bojang, bi ġrieħi f’widnejh il-leminija. 

Huwa allega li kien Mallia li ferih b’sikkina. Wara li Mallia tkellem mal-pulizija, dan qalilhom li huwa safa wkoll midrub minn Bojang. 

Huwa mifhum li l-ġlieda bdiet wara li t-tnejn li għamlu ħabtu f’xulxin waqt li kienu mexjin f’direzzjonijiet opposti.

L-ewwel li tressaq fil-Qorti kien Bojang ta’ 23 sena mixli li kkaġuna ġrieħi ħfief fuq Mallia, li kkawżalu biża’ li se tintuża vjolenza kontrih u li ġarr sikkina fil-pubbliku mingħajr liċenzja jew permess.

Bojang qal li huwa jinsab Malta fuq btala u bħalissa qiegħed joqgħod fid-dar ta’ ħabib tiegħu fl-Imsida, għalkemm ma setax jiftakar l-indirizz. Huwa nżamm arrestat wara li ma saret l-ebda talba għall-ħelsien mill-arrest.

Warajh tressaq Mallia, li għandu 18-il sena, li ġie mixli li kkaġuna ġrieħi gravi fuq Bojang u li ġarr sikkina fil-pubbliku bla ma kellu liċenzja jew permess.

Id-Difiża talbet għall-ħelsien mill-arrest, bil-Prosekuzzjoni toġġezzjona minħabba li hemm diversi persuni li għad iridu jixhdu, minbarra l-allegat vittma.

Id-Difiża argumentat li l-feriti gravi li allegatament ġarrab il-persuna oħra ma kinux għadhom ippruvati. Qalet li ma kien hemm l-ebda raġunijiet għalfejn Mallia kellu jibqa’ miżmum taħt arrest preventiv peress li għandu fedina penali netta u qatt qabel ma xellef difrejgħ mal-ġustizzja. 

Il-Qorti tatu l-libertà proviżorja fuq depożitu ta’ €1,000 u garanzija personali ta’ €10,000. Huwa ġie ordnat biex jiffirma l-għassa kuljum u biex ma jkellimx lil Bojang.

Il-Prosekuzzjoni tmexxiet ukoll mill-Avukati Valentina Cassar u Brendan Hewer mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali. Il-Prokuratur Legali Peter Paul Zammit deher għal Mallia mentri l-Avukat Giulia Micallef Stafrace dehret għal Bojang. 

Sport