Monday, April 28, 2025

Tnejn ta’ 17-il sena jammettu li sawtu ġuvni tamparhom fil-Foss tal-Belt

Aqra wkoll

Żewġ ġuvintur, it-tnejn ta’ 17-il sena, tressqu l-Qorti fejn ammettew għall-akkużi li sawtu ieħor tamparhom fil-Foss tal-Belt.

L-imputati kienu mixlija li fid-29 ta’ Marzu li għadda, f’xi ħin bejn is-1.00 p.m. u l-5.00 p.m., ikkaġunaw ġrieħi gravi lill-vittma u li beżżgħuh.

Wieħed mill-imputati ddikjara fil-Qorti li xtaq jiskuża ruħu mal-vittma, bil-Maġistrat Donatella Frendo Dimech wissiethom li ġiethom tajba li għadhom m’għalqux it-18-il sena għax minn hemm il-Qorti kienet timxi magħhom b’ponn tal-ħadid filwaqt li lil dak li skuża ruħu qaltlu li jmissu jirringrazzja ’l Alla li l-vittma laqa’ l-iskuża.

Id-Difiża talbet għall-ħelsien mill-arrest bil-Prosekuzzjoni ma toġġezzjonax dment li jkun hemm kundizzjonijiet stretti. Il-Qorti laqgħet it-talba u ħarġet ordni ta’ trażżin u oħra ta’ protezzjoni favur il-vittma.

Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Avukat Martina Calleja mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali flimkien mal-Ispettur Gabriel Micallef filwaqt li għall-imputati dehru l-Avukati Lennox Vella u Graziella Deguara Attard.

Preżenti fl-awla kien hemm ukoll il-ġenituri taż-żewġ imputati kif ukoll il-vittma mal-ġenituri tiegħu.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport