Wednesday, July 24, 2024

Toni Kroos se jirtira mill-football professjonali

Aqra wkoll

Il-midfielder ta’ Real Madrid u l-Ġermanja, Toni Kroos, 34 sena, se jirtira mill-football professjonali wara l-Euro 2024.

Huwa gawda karriera mimlija trofej mal-Madrileni minn meta ngħaqad magħhom mingħand Bayern Munich f’Lulju tal-2014, fejn rebaħ kemm La Liga kif ukoll iċ-Champions League f’erba’ okkażjonijiet f’kull waħda.

Kroos kien ukoll parti mit-team tal-Ġermanja li rebaħ it-Tazza tad-Dinja fl-2014.

Huwa ħalla l-football internazzjonali f’Lulju 2021 iżda ħareġ mill-irtirar fi Frar wara taħditiet mal-coach, Julian Nagelsmann.

“L-ambizzjoni tiegħi kienet dejjem li nis­piċċa l-karriera tiegħi fl-ogħla livell tal- prestazzjoni tiegħi,” qal Kroos f’post fuq il-kont tiegħu ta’ Instagram.

“Ninsab kuntent u kburi li f’moħħi sibt iż-żmien it-tajjeb għad-deċiżjoni tiegħi u li stajt nagħżilha waħdi.”

Kroos iddebutta ma’ Bayern Munich fil-Bundesliga ta’ 17-il sena f’Settembru 2007 u kompla jirbaħ l-ewwel minn tliet titli tal-kampjonat Ġermaniż dak l-istaġun.

Kien ukoll parti mill-iskwadra ta’ Bayern li rebħet iċ-Champions League fl-2013, għalkemm ma lagħabx fil-finali.

Kroos qal li dakinhar li ffirma ma’ Real “bidel ħajtu bħala player iżda speċjalment bħala persuna” u l-“uniku ħsieb” tiegħu issa hu li jgħin lil Los Blancos jirbħu l-15-il Tazza Ewropea.

Real se jiffaċċjaw lil Borussia Dortmund fil-finali taċ-Champions League f’Wembley Stadium fl-1 ta’ Ġunju.

“Dejjem għedt li Real Madrid huma u se jkunu l-aħħar club tiegħi,” huwa qal.

“Wara 10 snin fi tmiem l-istaġun dan il-kapitlu jasal fi tmiemu. Qatt ma ninsa dan iż-żmien ta’ suċċess.”

Il-president ta’ Real Madrid, Florentino Perez, żied jgħid: “Toni Kroos huwa wieħed mill-players kbar fl-istorja tagħna u li dan il-club huwa u dejjem se jibqa’ id-dar tiegħu.”

Ekonomija

Sport