Saturday, December 21, 2024

Tours fit-Teatru Manoel biex il-Maltin u t-turisti jesperjenzaw it-teżori moħbija fih

Aqra wkoll

Teatru Manoel bi pjaċir jippreżenta ‘The Grand Tour of Teatru Manoel’, tour uniku tat-teatru nazzjonali ta’ pajjiżna b’kollaborazzjoni ma’ House of Tours.

Dawn it-tours li se jitmexxew mill-gwida professjonali u attur Jeremy Grech se jsiru kull nhar ta’ Tlieta fl-10.30 a.m. u f’12.00 u jibdew mit-30 ta’ Lulju. Permezz ta’ dan it-tour animat li jdum madwar siegħa, wieħed se jkollu l-opportunità li jesperjenza b’mod innovattiv, edukattiv u animat, l-istorja rikka u l-atmosfera unika li jaf joffri biss it-Teatru Manoel.

Dan it-tour huwa esperjenza teatrali fih innifsu peress li joffri lit-turisti kif ukoll lill-Maltin u l-Għawdxin l-opportunità li jaraw wieħed mill-isbaħ siti storiċi ta’ pajjiżna u jesperjenzaw it-teżori moħbija li jinsabu fih.

It-Teatru Manoel kien inbena u kkummissjonat mill-Gran Mastru Antonio Manoel De Vilhena fl-1731. Huwa wieħed mill-eqdem Teatri Barokki fl-Ewropa u wieħed mill-eqdem teatri li għadhom jiffunzjonaw madwar id-dinja kollha.

Dawk li se jattendu għal dan it-tour se jkollhom ukoll l-opportunità li jaraw uħud mill-kostumi oriġinali li jiffurmaw parti mid-Dipartiment tal-Kostumi tat-Teatru Manoel b’kollezzjoni ta’ iktar minn 10,000 kostum. Dawn il-kostumi ġew meħjuta mill-ħajjata tat-Teatru Manoel u għalhekk il-viżitaturi se jkunu jistgħu jaraw kif kull kostum għandu dettall partikolari li nħadem b’teknika mill-aqwa.  

Apparti l-kostumi, wieħed jista’ jara wkoll uħud mill-iktar props antiki li kienu jintużaw fit-Teatru qabel ma ġiet introdotta t-teknoloġija moderna kif nafuha llum, fosthom magna tar-riħ, ‘thunder roller’ u ‘rain box’.

It-tnedija ta’ dawn it-tours se tkun qed tiċċelebra wkoll ix-xogħol ta’ wieħed mill-aqwa xenografi li qatt kellu t-Teatru Manoel, Marco Joseph Bartolo, li sfortunatament tilef ħajtu ftit tal-jiem ilu. Bħala apprezzament għall-ħidma kbira tiegħu fi ħdan it-Teatru, se jkunu qed jiġu esebiti uħud mix-xogħlijiet tiegħu.

Għall-ewwel darba, dawn it-tours se jkunu aċċessibbli għal kulħadd peress li issa t-Teatru Manoel għandu l-faċilità tal-użu ta’ lift li kien installat iktar kmieni din is-sesna. Dan se jservi sabiex kulħadd ikollu l-opportunità li jesperjenza dak kollu li joffri t-teatru nazzjonali ta’ pajjiżna.

Il-prezz ta’ dawn it-tours se jkun ta’ €20 għal kull biljett u kull grupp se jkun limitat għal 30 persuna. Matul l-istaġun tas-sajf, it-tours se jsiru kull nhar ta’ Tlieta fl-10.30am u f’12.00 filwaqt li fix-xitwa jsiru fil-11.00 a.m. u fit-3.00 p.m.. Għal iktar informazzjoni wieħed jista’ jżur is-sit elettroniku www.teatrumanoel.mt jew iċempel fuq 2124 6389.

Ekonomija

Sport