Heritage Malta nediet programm iffinanzjat mill-Unjoni Ewropea għall-anzjani biex jesploraw l-istorja marittima rikka ta’ Malta u jitgħallmu dwar l-isfidi ambjentali kontemporanji, fil-Mużew Marittimu ta’ Malta fil-Birgu.
L-inizjattiva Clean Oceans and Mapping Our Seas tistieden lill-anzjani biex jieħdu sehem fil-konverżazzjoni li qed titqanqal bħalissa fil-Mużew Marittimu ta’ Malta bis-sezzjoni li ġġib l-istess isem, li tiddeskrivi sfidi ambjentali kontemporanji biex jiġi rreġistrat u ppreservat il-wirt marittimu ta’ Malta.
Din is-sezzjoni tifforma parti minn wirja usa’ ‘An Island at the Crossroads’, li tieħu lill-viżitaturi fi vjaġġ immersiv fis-saffi tal-istorja marittima ta’ Malta – mill- esploraturi preistoriċi sa navigazzjoni moderna bikrija u l-immigrazzjoni bil-baħar tal-lum-il ġurnata.
Il-wirja tinkludi wkoll esperjenza immersiva unika li tieħu lill-viżitatur f’qiegħ ta’ baċir fit-Tarzna ta’ Malta. Imfassal biex joffri esperjenza interattiva maħsuba speċifikament għall-ħtiġijiet tal-parteċipanti anzjani, il-programm Clean Oceans and Mapping Our Seas se jibda fil-ġimgħat li ġejjin, u se jibqa’ għaddej sa Marzu ta’ din is-sena.
Żewġ slots tal-ħin differenti huma disponibbli matul il-ġimgħa – mill-10:00am sa 12:00pm, jew mis-2:00pm sal-4:00pm, u se jiġu kkunsidrati sessjonijiet ta’ tmiem il-ġimgħa. Se jiġi pprovdut servizz ta’ trasport b’xejn għall-parteċipanti kollha.
Il-mużew huwa aċċessibbli. Din l-inizjattiva hija riżultat ta’ sħubija li għaddejja bejn Heritage Malta u l-Mużew Marittimu ta’ Stavanger tan-Norveġja, iffinanzjata mill-Għotjiet taż-ŻEE u tan-Norveġja 2014-2021, li wasslet għal sforzi mill-aktar avvanzati biex jiġi rreġistrat u ppreservat il-wirt marittimu ta’ Malta filwaqt li jiġi indirizzat it-theddid dejjem jikber ikkawżat mit-tniġġis u t-tibdil fil-klima.
Heritage Malta tistieden lill-entitajiet involuti fil-kura u l-iżvilupp soċjali tal-anzjani li huma interessati f’dan il-programm, biex jikkuntattjaw lill-aġenzija fuq [email protected]. Għal aktar tagħrif tista’ tikkuntattja lid-dipartiment talcustomer care tagħna fuq: (+356) 2295 4300.