L-amministrazzjoni tal-President Amerikan Donald Trump bdiet bil-perskuzzjoni politika kontra min b’xi mod ħadem kontra Trump. Fil-fatt, nhar it-Tnejn li għadda tkeċċew aktar minn tużżana avukati tad-dipartiment tal-ġustizzja li ħadmu fuq żewġ kawżi kriminali kontra Trump.
Huma tkeċċew wara li l-Aġent Avukat Ġenerali James McHenry ikkonkluda li dawn ma setgħux “jiġu fdati biex jimplimentaw fedelment l-aġenda tal-president Trunmp minħabba r-rwol sinifikanti tagħhom fil-prosekuzzjoni tal-president”.
L-avukati kienu parti mit-tim tal-eks avukat speċjali Jack Smith li investigaw l-allegat ġbir u ż-żamma llegali minn Trump ta’ dokumenti klassifikati u l-allegat tentattiv tiegħu biex ibiddel ir-riżultat tat-telfa tiegħu fl-elezzjoni tal-2020. It-tkeċċijiet ta’ nhar it-Tnejn kienu effettivi b’mod immedjatament.
Jack Smith kien inħatar bħala avukat speċjali fl-2022 biex jissorvelja ż-żewġ każijiet tad-dipartiment tal-ġustizzja fuq Trump. Il-president Trump kien ħalef li jkeċċi lil Smith “fi żmien żewġ sekondi” minn meta jieħu l-kariga, iżda l-avukat irriżenja qabel l-inawgurazzjoni ta’ Trump.
Iż-żewġ każijiet irriżultaw f’akkużi kriminali kontra Trump, li wieġeb mhux ħati għalihom.
Iż-żewġ każijiet kontra Trump ingħalqu wara r-rebħa tiegħu fl-elezzjoni ta’ Novembru li għadda. Il-prosekuturi kitbu li r-regolamenti tad-dipartiment tal-ġustizzja ma jippermettux il-prosekuzzjoni ta’ president li jkun fil-kariga.
Għalkemm ma kienx ċar mill-ewwel liema avukati mit-tim ta’ Smith tkeċċew, ħafna minnhom kienu prosekuturi ta’ karriera kontra l-korruzzjoni u tas-sigurtà nazzjonali. Kienu ħadmu wkoll taħt diversi amministrazzjonijiet u nħatru għall-każijiet speċifiċi.
Huma rappurtati li rċevew ittra nhar it-Tnejn li fiha ntqalilhom li bir-rwol tagħhom fl-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni tal-president Trump ma baqgħux tenibbli biex jaħdmu fid-dipartiment tal-ġustizzja.
Bosta persuni mill-qasam legali fosthom l-eks Avukat Amerikana Joyce Vance qalu li t-tkeċċija tal-prosekuturi minħabba każijiet li ġew assenjati biex jaħdmu fuqhom hija sempliċement inaċċettabbli u tmur kontra l-istat tad-dritt u kontra d-demokrazija.
Trump u t-tim tiegħu akkużaw lid-dipartiment tal-ġustizzja li qed ikomplu kawżi b’motivazzjoni politika kontrih, kontra l-assoċjati tiegħu u r-Repubblikani. Trump wiegħed reviżjoni immedjata tad-dipartiment, li jgħid li kien “arma” kontrih, waqt li kien qed jikkampanja għall-elezzjoni li għaddiet.