Wednesday, April 24, 2024

Trump qiegħed minn taħt

Aqra wkoll

Minn Ruben Briffa

L-aktar frażi li baqgħet assoċjata mal-kampanja tal-elezzjoni Presidenzjali tal-2016 kienet dikjarazzjoni minn Trump li huwa ma kienx sejjer jaċċetta l-ebda riżultat għajr rebħa għalih. Kif kienu żvolġew l-affarijiet, il-konsegwenzi li setgħet ġabet magħha dikjarazzjoni bħal din baqgħu mistura, naturalment għaliex Trump kien ħareġ rebbieħ, minkejja li kien ġab ħafna anqas voti minn Hillary Clinton.

Din is-sena ċ-ċans li Trump joħroġ tellief huwa akbar minn ta’ erba’ snin ilu. Fil-fatt, sondaġġi elettorali li saru din il-ġimgħa qegħdin juru li l-possibiltà li Trump jerġa’ joħroġ rebbieħ huwa biss ta’ ftit aktar minn 14%. Minkejja ta’ dawn il-figuri katastrofiċi għal Trump, il-President Amerikan iddikjara li “l-uniku mod li bih jista’ jitlef l-elezzjoni ta’ Novembru huwa permezz ta’ corrupt practices”.  

Din id-dikjarazzjoni flimkien mal-fatt li hemm ċans kbir li din id-darba Trump sejjer joħroġ tellief qiegħda żżid it-tensjoni u ħafna Amerikani qegħdin jibżgħu li Trump sejjer iħammar wiċċ in-nazzjon kemm waqt il-kampanja, kif ukoll wara r-riżultat.

L-ewwel darba fl-istorja?

Meta wieħed jara l-istorja tal-elezzjonijiet Presidenzjali Amerikani, sejjer isib ħafna episodji ta’ kampanji mimlija tensjoni, li mhux l-ewwel darba li ġiet kkonvertita fit-tixrid tad-demm. Lura fl-1919, Teddy Roosevelt kien ġie ferut minn tiri f’sidru waqt li kien qiegħed jagħmel diskors fil-Wisconsin. Fuq kollox, jispikka l-assassinju ta’ Robert Kennedy, waqt il-kampanja tal-1968.

Flimkien ma’ dawn l-episodji xejn sbieħ, wieħed irid iżid numru kbir ta’ polemiċi rigward minn kien il-veru rebbieħ. L-aktar wiehed riċenti kien dak tal-elezzjoni tal-2000, meta r-riżultat ġie deċiż mill-Qorti Suprema tal-Istati Uniti, u kienet ingħatat il-Presidenza lil George W. Bush minkejja li kien ġab anqas voti minn Al Gore. Minkejja kollox, fl-aħħar mill-aħħar kulħadd spiċċa sabiex aċċetta ir-riżultat. 

Però, din id-darba, forsi l-ewwel darba fl-istorja, teżisti l-possibiltà li r-riżultat ma jkunx aċċettat mit-tellief. Naturalment, il-perċimes għal dan id-dubju huwa Donald Trump. Fuq kollox, matul dawn l-erba’ snin li ilu jmexxi l-Istati Uniti, dan il-president għamel ħafna preċedenti li żgur ikomplu jżidu l-biża’ li nafu naraw l-inkwiet mat-tħabbira tar-riżultat.

L-arma sigrieta ta’ Trump

Meta wieħed jifli sew l-istrateġija li qiegħed jaddotta Trump bħalissa, wieħed jista’ jasal sabiex jibda jissuspetta bil-kbir li Trump qiegħed jibni l-pedamenti sabiex jkun jista’ jaqla’ ħafna nkwiet kemm-il darba joħroġ tellief. Naturalment, l-effett ta’ kemm argumenti eventwali f’dan ir-rigward minn Trump jistgħu jaħmlu ħsara jiddependi ħafna mid-daqs tat-telfa tar-Repubblikani. 

Telfa minima taf tagħti l-lok sabiex Trump jaqbad mal-ħafna difetti li jeżistu fis-sistema elettorali Amerikana fosthom deċiżjonijiet li jkunu ittieħdu qabel l-elezzjoni rigward votanti li titneħħielhom l-eliġibiltà għall-vot u fuq il-voti permezz tal-posta, metodu ta’ kif jintefa’ l-vot li mistenni jiżdied bil-kbir minħabba l-pandemija.

Ħadd ma jista’ jiċħad li Donald Trump huwa persuna fortunata. Il-fatt li din l-elezzjoni sejra ssir f’nofs pandemija, li sa Novembru li ġej mistennija tkun ħalliet kważi kwart ta’ miljun vittmi fl-Istati Uniti, jaf ikun qiegħed jagħti vantagg kbir lir-Repubblikani. 

Analisti tal-elezzjonijiet Amerikani kemm-il darba wrew b’mod xjentifiku li turnouts baxxi tradizzjonalment iffavorixxew lir-Repubblikani. Kif qegħdin jiżvolġu l-affarijiet, jidher li ħafna stati qegħdin isibuha ferm diffiċli sabiex isibu r-riżorsi umani biex imexxu n-numru ideali ta’ postijiet tal-votazzjoni. 

Għalhekk, huwa mistenni li fl-elezzjoni li ġejja sejjer ikun hemm tnaqqis drastiku fin-numru tal-postijiet fejn l-Amerikani jitfgħu l-voti tagħhom. Dan ifisser kjuwijiet itwal u aktar ħin sabiex wieħed jista’ jitfa’ l-vot tiegħu. Dan jaf jiskoraġġixxi lil ħafna nies, speċjalment nies anzjani u vulnerabbli, milli jmorru jivvutaw, naturalment minħabba fost oħrajn il-kwistjoni tas-social distancing. 

Dan jivvantaġġja bil-kbir lir-Repubblikani, aktar u aktar meta wieħed iqis li l-aktar stati li sejrin ikollhom tnaqqis ta’ postijiet tal-voti huma dawk li tradizzjonalment jivvutaw għad-Demokratiċi u dawk li fihom jgħixu l-maġġoranza tal-votanti li ma humiex ta’ ġilda bajda, li huma fil-maġġoranza assoluta tagħhom ostili għall-politika leminija estrema ta’ Trump. 

Għalhekk, il-vantaġġ li ħafna kienu qegħdin jaraw li sejjer jieħu Joe Biden mill-fatt li din id-darba hemm rekord ta’ voti ta’ nies ta’ karnaġġjon skura, li issa jlaħħaq għal terz tal-voti, ġie mmitigat bil-kbir bit-tnaqqis tal-postijiet tal-voti. 

Ħafna Demokratici qegħdin jakkużaw li dan it-tnaqqis ta’ fejn issir il-votazzjoni kien parti minn strateġija ta’ Trump li jnaqqas it-turnout. Fil-fatt, huwa stmat li f’dawn l-aħħar erba’ snin ingħalqu kważi elf post ta’ votazzjoni.

Stateġija mimlija diċeriji

Huwa fl-interess ta’ min ikun qiegħed jara l-prospett tat-telfa jsir aktar reali li jaqla’ kemm jista’ jkun diċeriji sabiex ikun jista’ jużahom meta joħroġ ir-riżultat. Trump diġa’ beda jagħmel ħafna stqarrijiet li hemm pajjiżi bħaċ-Ċina u l-Iran li qegħdin jippruvaw jikkundizzjonaw ir-riżultat kontrih. Naturalment, Trump ma semmiex ukoll lir-Russja li ħafna jsostnu li kienet strumentali sabiex Trump rebaħ il-presidenza erba’ snin ilu. 

Meta wieħed jeżamina dawn id-diċeriji b’mod xjentifiku joħroġ biċ-ċar li ftit jistgħu jaffetwaw ir-riżultat finali. Fil-fatt, studji li saru minn universitajiet barranin juru li dawn il-manuvri minn pajjiżi barranin u ħafna metodi oħra ta’ corrupt practices tradizzjonali jaffettwaw biss vot wieħed minn kull miljun voti li jintefgħu. Mhux ta’ b’xejn li ġurnali Amerikani leali lejn il-Partit Demokratiku qegħdin jakkużaw lil Trump li qiegħed joħloq dawn is-suspetti ta’ kospirazzjonijiet internazzjonali sabiex jaljena lill-media mill-allegati strategiji xejn etiċi tiegħu li semmejna aktar ‘il fuq.

Minkejja li kollox qiegħed juri li f’Novembru li ġej, Joe Biden sejjer ikaxkar lil Trump b’marġini ta’ kważi 14-il punt perċentwali, żgur li fil-jiem li ġejjin, id-Demokratiċi jridu joqogħdu ferm attenti minn Trump. Fuq kollox, id-Demokratiċi jridu jkomplu jaħdmu biex iżommu l-maġġoranza kbira li għandhom bħalissa minhabba li maġġoranza minima taf tkun il-kaġun biex fl-Istati Uniti naraw xi kummiedja simili għal dik li konna rajna fl-Italja fis-sena 2006, meta Silvio Berlusconi kien ħoloq kjass sħiħ meta dam ix-xhur sabiex aċċetta r-riżultat tal-elezzjoni.

Sport