Wednesday, May 15, 2024

TTD 2022 – Illum Malta tilgħab fi Slovenja

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

It-team nazzjonali Malti, illum jilgħab il-ħames partita tiegħu minn Grupp H  ta’ kwalifikazzjoni għat-Tazza tad-Dinja 2022 meta f’Ljubljana jiffaċċja lis-Slovenja.

It-team immexxi mill-coach Taljan, Devis Mangia jinsab b’moral għoli wara li nhar l-Erbgħa li għadda għeleb lil Ċipru bl-iskor ta’ 3-0 

Kienet partita fejn il-Maltin ipproduċew wirja eċċezzjonali tant li skorjaw tliet goals mingħajr risposta permezz ta’ doppjetta ta’ Cain Attard u goal ieħor ta’ Joseph Mbong.  

S’issa l-Maltin kisbu erba’ punti minn dan il-grupp hekk kif qabel ir-rebħa kontra ċ-Ċiprijotti, spiċċajna fi draw prestiġjuż ta’ 2-2 fis- Slovakkja.

Fil-logħbiet l-oħra, il-Maltin tilfu 3-1 kontra r-Russja, fl-Istadium Nazzjonali u 3-0 kontra l-Kroazja, f’Rijeka.

Intant, il-bieraħ saret konferenza stampa fis-sala ewlenija ta’ Stozice Stadium li ġiet indirizzata minn Mangia u minn Cain Attard. 

Il-coach saħaq li jinsab ċert li l-players tiegħu se jkomplu fejn ħallew fil-partita kontra Ċipru iżda huwa fundamentali li jżommu saqajhom mal-art u ma jin­ġarrux mill-ewforija li setgħet iġġib magħha din ir-reb­ħa.

Huwa qal li l-proċess li hu u t-team tiegħu bdew fl-aħħar xhur finalment qed iħalli l-frott iżda xorta waħda fadal lok għal titjib. Huwa afferma li s-Slovenja huma kemmxejn superjuri minn Ċipru u għalhekk l-isfida se tkun waħda iktar diffiċli għall-Maltin.

Huwa qal: “Għandi fiduċja assoluta fil-players tiegħi u nemmen li għalkemm se nkunu qed nilagħbu barra minn darna u kontra avversarji superjuri, kapaċi no­ħor­ġu mill-pitch b’rasna mgħollija u anke b’riżultat po­żit­tiv.”

Meta mistqosi jekk jaħ­sibx li nistgħu nirrepetu r-rata ta’ pussess ta’ 72% li kellna fil-partita kontra Ċipru, hu­wa wieġeb li jaħseb li se tkun iktar diffiċli li nirrepetu dan kontra s-Slovenja hekk kif huma team li aktar jibbażaw fuq il-pussess tal-ballun filwaqt li huma iktar tekniċi.

Huwa qal li għandu l-iskwadra kollha għad-dispo­żizzjoni tiegħu.

Tkellem ukoll Cain Attard, li kellu bidu ta’ staġun mill-aqwa kemm ma’ Birkirkara kif ukoll mat-team nazzjonali … hekk kif għadu jiskorja doppjetta.

Huwa ddeskriva l-ambjent fid-dressing room Maltija bħala wieħed ferm pożittiv speċjalment wara r-rebħa kontra Ċipru.

Madankollu, huwa qal li issa huwa importanti li hu u l-players sħabu jikkonċentraw fuq il-partita li jmiss bit-tama li jiksbu riżultat ieħor pożittiv.

Mistoqsi għal xiex jattribwixxi dan is-suċċess perso­nali, huwa qal li huwa dej­jem jagħti l-almu tiegħu kollu fit-taħriġ. Dan għal­kemm saħaq li fadallu ħafna x’joffri hekk kif għadu ta’ etá żagħżugħa.

Sadanittanti, is-Sloveni għandhom l-is­tess ammont ta’ punti daqsna hekk kif kisbu rebħa fuq il-Kroazja (1-0), draw kontra s-Slovakkja (1-1) u telfiet kontra r-Russja (2-1) u Ċipru (1-0).

It-team huwa mmexxi mill-coach Matjas Kek li għandu 59 sena fejn lagħab ukoll mat-team nazzjonali ta’ pajjiżu.

Bħalissat t-team Sloven jinsab fis-66 post fir-rankings tal-FIFA.

 Din se tkun is-seba’ darba li Malta u Slovenja se jiltaqgħu kontra xulxin.

Fil-konfronti preċedenti, is-Sloveni rebħu ħames darbiet filwaqt li darba minnhom temmew fi draw.

Dan l-aħħar riżultat seħħ fid-9 ta’ Frar 1996 meta f’tournament internazzjonali li sar f’Malta, iż-żewġ na­ħat spiċ­ċaw fi draw ta’ 0-0. 

Il-logħba se tintlagħab fi Stozice Sports Park, li jesa’ 16,000 spettatur.

Il-partita tibda fis-6.00 pm  u se tintwera diretta fuq TVM2.

Sport