Id-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili qiegħed jappella għall-kawtela fid-dawl tal-maltemp qawwi li bħalissa qed jaħkem il-gżejjer Maltin.
Għaldaqstant, il-Protezzjoni Ċivili qed tappella biex wieħed ma jpoġġix lilu nnifsu fil-periklu bla bżonn u jiġu evitati postijiet fejn jaħkem il-baħar jew jgħaddi l-ilma, pereżempju widien.
Fiċ-ċirkostanzi preżenti, il-forza tal-Protezzjoni Ċivili fuq il-lant tax-xogħol ġiet irduppjata sabiex tlaħħaq mas-sejħiet li qegħdin isirulha. Ir-rapporti jindikaw li din hi waħda mill-agħar maltempati f’ħafna żmien.

Id-Direttur Ġenerali Emanuel Psaila spjega li bħalissa r-riżorsi tal-Protezzjoni Ċivili huma ffukati fuq operazzjonijiet ta’ salvataġġ, għalhekk appella lill-pubbliku biex iċemplu fuq in-numru 112 f’każijiet tal-ikbar emerġenza.
Filwaqt li sostna li ma hemmx lok għall-paniku, Psaila spjega kif operazzjonijiet oħrajn, fosthom għajnuna biex jiġu kkontrollati għargħar, se jibqgħu għaddejjin. Madankollu, il-prijorità tad-Dipartiment tkun dejjem każijiet fejn jista’ jkun hemm ħajja f’periklu.
Apparti minn ħafna ilmijiet fit-toroq, ġew irrappurtati ħitan tas-sejjiegħ imwaqqa’ f’xi lokalitajiet u tappiera maqlugħin kif jixhdu ritratti mill-ġurnalisti tagħna.
