Wednesday, April 24, 2024

Twissija ta’ attakk imminenti f’Kabul

Aqra wkoll

Il-President tal-Istati Uniti Joe Biden qal li hemm informazzjoni li tindika possibbiltà kbira ta’ attakk terroristiku ieħor qrib l-ajruport ta’ Kabul. Fid-dawl ta’ dan, id-dipartiment tal-istat ħeġġeġ liċ-ċittadini tal-Istati Uniti biex iħallu ż-żona ta’ madwar l-ajruport minħabba li hemm “theddidha speċifika u kredibbli”.

Intant l-Istati Uniti tal-Amerika kompliet għaddejja bl-evakwazzjonijiet tagħha, filwaqt li l-aħħar grupp ta’ suldati, diplomatiċi u uffiċjali tar-Renju Unit telqu minn Kabul fl-aħħar sigħat. Nhar il-Ħamis li għadda f’din l-istess żona seħħ attakk suwiċida li ħalla madwar 170 persuna mejtin. Il-fergħa tal-grupp Istat Iżlamiku – l-Istat Iżlamiku għall-Provinċja Khorasan (IS-K), refgħet ir-responsabbiltà għal dan l-attakk.

B’ritaljazzjoni għal dan, l-Istati Uniti wettqet attakk bi drones fil-Lvant tal-Afganistan u qalet li qatlet żewġ membri prominenti tal-IS-K. Minkejja dan Biden qal li dan mhux se jkun l-uniku wieħed u wiegħed li l-persuna responsabbli se jinstab u jieħu dak li ħaqqu. 

IS-K huma l-iktar grupp ġiħadista vjolenti u estrem mill-gruppi ta’ militanti kollha li hemm fl-Afganistan. Dawn għandhom differenzi kbar mat-Taliban li issa jikkontrollaw l-Afganistan. L-IS-K qed jakkużaw lit-Taliban li abbandunaw il-gwerra biex innegozjaw ftehim ta’ paċi mal-Istati Uniti. Min-naħa tagħhom, it-Talibani kkundannaw l-attakk mill-ajru tal-Istati Uniti u qalu li dawn kien messhom ikkonsultaw magħhom qabel għamluh. 

L-evakwazzjonijiet tal-Is­tat­i Uniti waslu  fil-fażi finali tagħhom u skont l-uffiċjali tal-White House dawn huma l-iktar mumenti perikolużi. In-numru ta’ truppi Amerikani li hemm bħalissa ġewwa l-ajruport huwa ta’ 4,000 hekk kif numru minnhom ġew evakwati. Sal-ġimgħa li għaddiet kien hemm 5,800 suldat.

Min-naħa tagħhom it-Taliban qalu ma’ Reuters li l-inġiniera tagħhom se jkunu lesti biex jieħdu l-ajruport wara li jirċievu d-dikjarazzjoni formali mill-Istati Uniti. 

Ritratt: AP

Sport