Sunday, December 22, 2024

UCL – L-Aħħar 16: Logħbiet miftuħin beraħ

Aqra wkoll

L-Erbgħa jintlagħbu l-aħħar żewġ logħbiet mir-round tal-Aħħar 16 biex ikun komplet il-kwadru tal-kwarti-finali tal-UEFA Champions League.

Is-sitt timijiet li diġá kkwalifikaw huma Arsenal, Barcelona, Bayern Munich, Manchester City, Paris St-Germain u Real Madrid.

Iż-żewġ logħbiet ilaqqgħu lil Atletico ma’ Inter u PSV Eindhoven ma’ Borussia Dortmund … kollha miftuħ għal kull riżultat.

ATLETICO MADRID v INTER (0-1)

Inter, li bħalissa għaddejjin minn forma brillanti, imorru Spanja biex jilagħbu kontra Atle­tico Madrid hekk kif jieħdu magħhom vantaġġ mi­nimu ta’ 1-0 liema goal kien skorjat minn Marko Arnautovic. 

Mhux se tkun faċli għal Atletico minħabba li huma se jiffiċċjaw team li f’din is-sena kalendarja rebaħ il-konfront kollha tiegħu ta’ kull kompetizzjoni … l-uniku madwar l-Ewropa kollha li għamel din il-bravura.

Barra minn hekk, in-Nerazzurri jinżlu għal dan il-konfront b’moral għoli hekk kif jinsabu ferm qrib li jirbħu l-Iscudetto wara li fi tmiem il-ġimgħa li għadda komplew ikabbru l-vantaġġ f’ras il-klassifika … huma għandhom bżonn 14-il punt minn massimu ta’ 30.

B’dan il-mod, il-coach Simone Inzaghi, jista’ jserraħ u jagħmel rotazzjoni tal-players meta jaffronta l-avversarji tiegħu. 

Min-naħa tiegħu, it-team immexxi mill-coach u eks-kollega ta’ Inzaghi fit-team ta’ Lazio (1999-2000) li rebaħ il-kampjonat Taljan, Diego Si­meone, jinsab fir-raba’ post ta’ La Liga u ma għandu l-ebda garanzija li jista’ jikkwalifika għal din il-kompetizzjoni minħabba li huwa segwit minn Athletic Bilbao li għandhom żewġ punti inqas. 

Atletico Madrid ma jistgħux jagħmlu użu mill-imweġġgħin  Pablo Barrios, Antoine Griezmann, Jose Gimenez, Cesar Aspilicueta u Thomas Lemar filwaqt li Stefano Sensi u Juan Cuadrado għadhom ma rkuprawx għal Inter.

PSV EINDHOVEN v BORUSSIA DORTMUND (1-1)

Borussia Dortmund jospitaw lil PSV Eindhoven  meta jibdew favoriti li jaqtgħu l-passaġġ mal-aħħar tmienja wara li barra minn darhom spiċċaw fi draw ta’ 1-1.

Huma kienu ħadu l-vantaġġ minn Donyell Malen iżda Luuk De Jong salva r-riżultat għall-Olandiżi.

Bħalissa Borussia jinsabu fir-raba’ post tal- Bundesliga u jidher li se tkun taqtiegħa ma’ RB Leipzig min minnhom se jispiċċa fiż-żona tal-UEFA Champions League għall-istaġun li ġej minħabba li d-differenza ta’ bejniethom hija dik ta’ punt wieħed biss.

Min-naħa ta’ PSV Eindhoven, dawn jinsabu ċerti li staġun ieħor se jkunu qed jipparteċipaw f’din il-kompetizzjoni għall-fatt li jinsabu xxamplati fil-quċċata tal-klassifika u meta fa­dal 10 partiti għat-tmiem, huma għandhom vantaġġ ta’ 10 punti fuq l-eqreb rivali, Feneyoord … u għaldaqstant hija kwistjoni ta’ ‘meta’ u mhux ‘jekk’ biex jiġu dikjarati champions.

PSV għandhom barra lil Ismael Sabari, Joey Veerman u Noa Lang, filwaqt li Borussia Dortmund se jkollhom jgħaddu mingħajr is-servizzi ta’ Samuel Bamba u Sebastian Haller li kollha qed jirkupraw minn injury.

Barra minn hekk, it-team Ġermaniż għandu lil Nico Schlotterbeck sospiż.

Ekonomija

Sport