Meta beda jintlagħab l-ewwel leg tal-Aħħar 16 tal-UEFA Champions League, Manchester City u Real Madrid rebħu barra minn darhom biex issa huma favoriti li jikkwalifikaw għall-kwarti-finali.
FC Copenhagen……. 1
Manchester City…… 3
Manchester City marru d-Danimarka u għelbu lil FC Copenhagen bl-iskor 3-1 f’partita li ddominaw.
Wara biss ħames minuti, Manchester City setgħu fetħu l-iskor meta Nathan Ake żmarka għal kollox lil Kevin De Bruyne iżda minn qagħda ideali falla l-mira.
Peró, fl-10 minuta, il- midfielder Belġjan xeħet lis-City fil-vantaġġ meta rċieva mingħand Phil Foden u minn pożizzjoni djagonali fajjar xutt fil-baxx biex għeleb lill-goalkeeper Kamil Grabara.
Wara dan il-goal, is-Citizens komplew jiddominaw u, fid-29 minuta, resqu ferm viċin li jirdoppja meta mill-cross ta’ Jeremy Doku, it-tentattiv ta’ Erling Haaland għadda jħakkek mal-wieqfa b’rovexxjata akrobatika.
Madankollu ħames minuti wara, kontra x- xejra tal-logħob, id-Daniżi kisbu d-draw mid-debuttant Magnus Mattsson li venven kanunata minn 20 metru bogħod.
Peró, fil-ħin miżjud tal- ewwel taqsima, is-City reġgħu marru fil-vantaġġ minn first-timer ta’ Bernardo Silva.
Imbagħad, fil-ħin miżjud Phil Foden issiġilla r-rebħa wara li baqgħu jiddominaw.
RB Leipzig………. 0
Real Madrid…….. 1
F’partita mill-aktar eċċitant, Real Madrid għelbu lil Leipzig bl-iskor ta’ 1-0.
Kienu dawn tal-aħħar li ħarġu fuq l-offensiva bl-aktar player li mpressjona kien Benjamin Sesko li fl-ewwel kwarta resaq viċin tliet darbiet … inkluż il-goal imħassar għal pożizzjoni ta’ off-side.
Eventwalment, il-Madrileni rebħu l-inizjattiva iżda rari mpenjaw serjament lill-goalkeeper, Peter Gulacsi.
Mal-ftuħ tat-tieni taqsima, Sesko reġa’ kien il-protagonista meta d-daqqa ta’ ras tiegħu ġie salvata minn fuq il-linja minn Kroos.
Iżda, fit-48 minuta, kien Brahim Diaz li fetaħ l-iskor għal Real Madrid b’xutt imdawwar.
Fit-62 minuta, il-Ġermaniżi kellhom ċans tajjeb li jiksbu d-draw iżda mill-viċin, Dani Olmo falla l-mira.
Ir-risposta ta’ Real Madrid kienet b’Vinicius Jr jolqot il-lasta.