Friday, December 20, 2024

UCL: Mil-lum jibdew jikkwalifikaw it-timijiet għall-Aħħar 16

Aqra wkoll

Bejn illum u għada tintlagħab ir-raba’ ġurnata tal-Fażi tal-Gruppi tal- UEFA Champions League  fejn jibdew jikkwalifikaw it-timijiet għall-Aħħar 16, bl-aktar favoriti li jagħmlu dan huma Bayern Munich, Barcelona, Manchester City u Real Madrid, li għandhom punti massimi. 

Manchester City jilqgħu lil Young Boys u m’għandhomx ifallu milli jiksbu t- tliet punti. 

Huma mhux se jkollhom is-servizzi tal-attakkant Erling Haaland li sofra injury ħafifa fil-hamstring fir-reb­ħa ta’ 6-1 kontra Bournemouth filwaqt li Kevin De Bruyne jibqa’ barra mi­n­ħabba injury fit-tul. 

Dan filwaqt li Kastriot Imeri u Lukasz Lakomy se jkunu neqsin għal Young Boys minħabba l-istess ra­ġuni.

Bayern Munich għandhom partita delikata kontra Galatasaray minkejja li fit-Turkija l-Ġermaniżi ħarġu rebbieħa bl-iskor ta’ 3-1. 

Il-Bavarjani mistennija jinżlu bl-aqwa formazzjoni possibbli fejn jittamaw li l-attakkant Ingliż, Harry Kane, jibqa’ fil-forma brillanti tiegħu fejn ma jistax jieqaf jiskorja.  

Real Madrid jospitaw lil Braga fejn riżultat ta’ draw jkun biżżejjed għalihom biex jaqtgħu l-passaġġ għar-round li jmiss.

Dan minħabba li meta jkun fadal żewġ partiti, il-Madrileni jibqgħu b’vantaġġ ta’ sitt punti fuq il-Portugiżi li kienu rebħu l-ewwel logħba diretta bl-iskor ta’ 2-1. 

Barcelona jkunu mpenjati f’partita diffiċli kontra l-Ukreni ta’ Shakhtar Do­netsk minkejja li se tintlagħab fil-ground newtrali ta’ Volkspark Stadium, f’Hamburg.

Sergi Robert u Frenkie De Jong huma mweġġgħin iżda Robert Lewandowksi mistenni li jirritorna wara li rkupra għal kollox mill-injury fl-għaksa. 

Manchester United imorru d-Danimarka fejn jilagħbu kontra Copenhagen f’dik li tista’ tissejjaħ logħba determinanti. 

Rebħa tħallihom jitta­maw iżda telfa tkun skoss qawwi għalihom minħabba li jinżlu fil-qiegħ tal-klassifika. 

Ir-Red Devils se jkol­lhom neqsin lil Luke Shaw, Lisandro Martinez u Casemiro filwaqt li d-Daniżi se jkol­lhom lil William Clen u Birger Meling, minħabba li qed jirkupraw minn injury.

Arsenal jilagħbu f’darhom kontra Sevilla fejn jimmiraw li jagħmlu double fuq l-Ispanjoli wara li fl-aħħar konfront għelbuhom bl-iskor ta’ 2-1 f’Ramon Sanchez Pizjuan Stadium. 

Rebħa tpoġġi lill-Gunners f’pożizzjoni komda għall-kwalifikazzjoni. 

Inter imorru jilagħbu għand Salzburg fejn rebħa tissiġillalhom post mal-Aħ­ħar 16. 

Bħalissa huwa għaddejjin minn forma mill-aqwa hekk kif qed jillidjaw il-kampjonat Taljan u fil- veritá m’għandhomx ifallu. 

Napoli jilqgħu lil Union Berlin fejn b’rebħa jagħmlu pass kbir lejn il-kwalifikaz­zjoni hekk kif isaħħu t-tieni post filwaqt li jittamaw li Real Madrid jegħlu lil Braga.

In-Niġerjan, Vic­tor Osim­hen, jibqa’ barra minħabba injury. 

Ekonomija

Sport