Wednesday, July 24, 2024

UCL: Paris St-Germain v Barcelona l-aktar li tispikka

Aqra wkoll

Wara ż-żewġ partiti li temmew fi draw – Real Madrid v Manchester City (3-3) u Arsenal v Bayern Munich (2-2), illum jintlagħab it-tieni programm tal-ewwel leg tal-kwarti-finali tal-UEFA Champions League bil-konfront bejn Paris St-Germain u Barcelona l-aktar li jispika.

ATLETICO MADRID v BORUSSIA DORTMUND

Dawn iż-żewġ timijiet se jiltaqgħu kontra xul­xin wara staġun domestiku xi ftit indifferenti hekk kif it-tnejn jinsabu fir-raba’ post tal-kampjo­nat rispettiv tagħhom. Normalment kemm Atletico Madrid kif ukoll Borussia Dortmund ikunu qed jiġġieldu għar-rebħ tal-kampjonat iżda sensiela ta’ riżultati mħallta biddlu l-pjani tagħhom.

Il-Colchoneros kellhom fażi tal-gruppi pożittiva meta spiċċaw fl-ewwel post, f’dak E, li kien jinkludi lil Feyenoord, Lazio u Celtic. Mill-banda l-oħra, fil-fażi tal-Aħħar 16 huma eliminaw lil-leaders tas-Serie A, Inter, wara battalja ta’ 210 minuti … huma rebħu 3-2 bl-għoti tal-penalties wara li temmew b’aggregate ta’ 2-2.

Min-naħa tiegħu, it-team Ġermaniż immexxi mill-coach, Edin Terzic, spiċċa l-ewwel fi Grupp F li fih kien hemm Paris St Germain, AC Milan u Newcastle United. Huma ltaqgħu kontra PSV Eindhoven fil-fażi eliminatorja u ħarġu rebbieħa b’aggregate ta’ 3-1.

Borussia Dortmund se jkollhom jgħaddu mingħajr Donyell Malen, Ramy Bensebaini u Samuel Bamba filwaqt li Atletico Madrid ma jistgħux jinkludu lil Mario Hermoso u Thomas Lemar.

PARIS ST-GERMAIN v BARCELONA

Paris St Germain jimmiraw li jwettqu l-ħolma tagħhom li jirbħu din il-kompetizzjoni għall-ewwel darba fl-istorja tal-club meta jiffaċċjaw lill-ġganti Spanjoli, Barcelona.

It-team immexxi mill-coach, Luis Enrique, jinsab pass ‘il bogħod milli jirbaħ il-kampjonat Franċiż fl-ewwel avventura tiegħu fit-tmexxija hekk kif għandu vantaġġ ta’ 10 punti fil-quċċata fuq l-eqreb rivali tagħhom, Brest.

Min-naħa ta’ Barcelona, huma ddiżappuntaw bil-kbir hekk kif fil-kampjonat domestiku jinsabu tmien punti wara l-leaders Real Madrid.

PSG kellhom grupp ta’ kwalifikazzjoni kemm­xejn ikkumplikat fejn spiċċaw fit-tieni post tal-klassifika wara l-leaders Borussia Dortmund u bl-istess punti daqs AC Milan iżda kel­lhom differenza ta’ goals aħjar. F’dan il-grupp diffiċli kien hemm ukoll Newcastle United. Sadanittant fil-fażi tal-Aħħar 16 kellhom passaġġ faċli meta għelbu lil Real Sociedad b’aggregate ta’ 4-1.

Barcelona telgħu biex jilagħbu fi Grupp H flimkien ma’ Porto, Shaktar Donetsk u Antwerp u temmew fl-ewwel post flimkien mat-team Portugiż bi 12-il punt. Huma kellhom battalja kontra Napoli u wara draw ta’ 1-1 fl-Italja, rebħu 3-1 fl-Olympic Stadium ta’ Barcelona biex għaddew għal din il-fażi tant importanti.

Se tkun logħba partikolari għall-coach ta’ Paris St Germain, Enrique, li kien imexxi proprju lil Barcelona bejn is-snin 2014 u 2017.

Il-Katalani se jkollhom jgħaddu mingħajr Andreas Christensen, Frenkie de Jong u Pedri filwaqt li l-Pariġini ma jistgħux jinkludu lil Achraf Hakimi li hu sospiż, Bradley Barcola, Layvin Kurzawa, Sergio Rico u Presnel Kimpembe … kollha qed jirkupraw minn injury. 

Ekonomija

Sport