Thursday, April 18, 2024

UEFA Conference League: Illum Gzira United jilagħbu għand Wolfsberger tal-Awstrija

Aqra wkoll

Wara li ssuperaw żewġ rounds, illum Gzira United se jkunu mpenjat fl-Awstrija biex jiffaċċjaw lil Wolfsberger f’partita valida mill-ewwel leg tat-tielet round ta’ kwalifikazzjoni tal-UEFA Confe­rence Lea­gue. 

Huma jingħaqdu ma’ Hibernians u Hamrun Spartans hekk kif il-ġimgħa li għaddiet kitbu l-istorja meta qatt qabel ma Malta kellha tliet timijiet jilagħbu fit-tielet round ta’ kwalifikazzjoni. Il-Pawlisti u l-Ispartans jilagħbu għada kontra Riga FS u Levski Sofia rispettivament. 

Intant, it-team immexxi mill-coach, Darren Abdilla, kompla għaddej bis-sensiela pożittiva  meta fit-tieni round ta’ kwalifikaz­zjoni, elimina lil Radnicki Nis tas-Serbja … 3-1 bl-għoti tal-penalties wara draw ta’ 3-3 għal aggregate ta’ 5-5. Fl-ewwel leg, li ntlagħab fis-Centenary Stadium, iż-żewġ timijiet temmew fi draw ta’ 2-2.

Ta’ min jgħid li l-Maroons pattew għad- diżappunt ta’ erba’ snin ilu meta kienu sfaw eliminati mill-UEFA Europa Lea­gue mill- istess Radnicki Nis b’aggregate ta’ 5-0 (4-0, 1-0). 

Forsi wara dan ir-riżultat kulħadd antiċipa li l-istorja kienet se tirrepeti ruħha iżda l-Gżirjani kellhom ħsibijiet oħra … wara li fl-ewwel round ta’ kwalifikazzjoni huwa eliminaw lil Atletic D’Escaldes ta’ Andorra b’aggregate ta’ 2-1 (1-1, 1-0). 

Il-coach Abdilla kien ferm sodisfatt bir-reazzjoni li wrew il-players tiegħu minkejja li fil-logħba li ntlagħbet f’Nis huma sabu ruħhom tliet darbiet fl-iżvantaġġ. 

Madankollu kienu dejjem kapaċi jġibu l-iskor indaqs bl-attakkanti Jefferson de Assis (permezz ta’ doppjetta) u Maxuell Maia jiskorjaw l-aktar goals importanti għat-team tagħhom. 

Infatti Jefferson kiser rekord meta sar l-ewwel player li skorja żewġ doppjetti fil-kompetizzjonjiet Ewropej għat-timijiet Maltin … bl-oħra tasal kontra Ventspils FK tal-Latvja, fil-UEFA Europa League, fl-1 ta’ Awwissu, 2019.

Barra minn hekk il-players Gżirjani baqgħu jemmnu sal-aħħar biex eventwalment ħarġu rebbieħa bl-għoti tal-penalties bl-iskor ta’ 3-1 … b’Jackson Mendoza,    Maxuell Maia u Steve Pisani jiskorjaw mill-11-il metru. 

L-avversarji tal-lum huma Wolfsberger li spiċċaw fir-raba’ post tal-Bundesliga Awstrijaka fl-istaġun li għadda. 

Il-club twaqqaf fl-1930. It-team dejjem kien jilgħab fid-diviżjonijiet inferjuri u s-sidien ta’ dan il-club investew bil-kbir fil-bidu tas-snin 2000 tant li l-qofol ta’ kollox seħħ fl-istaġun 2011-12 meta kisbu l-promozzjoni għall-ogħla diviżjoni bħala champions. 

Dan kien tragward importanti għall-club li kompla għaddej fit-triq tal-progress u saħansitra beda jipparteċipa fil-kompetiz­zjonijiet Ewropej.

Wolfsberger se jiddebuttaw f’din il-kompetizzjoni li ilhom iħejju għaliha għal dawn l-aħħar ħames ġimgħat fejn wara l-partita ta’ ħbiberija kontra AC Milan li huma tilfu 5-0, huma lagħbu l-ewwel żewġ partiti tal-kampjonat fejn s’issa kisbu żewġ punti minn daqstant logħbiet wara draws kontra Sturm Graz u Rheindorf Altach. 

Il-logħba se tibda fis-7.30 pm u tintlagħab fil-belt ta’ Wolfsberg, fil-Lavanttal Arena li jesa’ 7,300 spettatur. 

MA’ MIN JISTGĦU JIĠU FIL-PLAY-OFFS – Il-bieraħ ittellgħu l-poloz tal-play-offs tal- Conference League bit-timijiet Maltin jistgħu jiġu ma’ dawn l-avversarji:

Hibernians v Linfield (Irlanda ta’ Fuq) jew FC Zurich (Svizzera).

Molde (Norveġja) jew Kisvarda FC (Ungerija) v Gzira U.

AEK Larnaka (Ċipru) jew FK Partizan (Serbja) v Hamrun S.

Ekonomija

Sport