Il-Parlament approva t-twaqqif tal-Uffiċċju Nazzjonali għall-Iskrinjar tal-Investiment Dirett Barrani li, kif jindika l-isem, jaħseb biex jara li l-investiment dirett barrani fil-pajjiż jħares is-sigurtà u l-interess pubbliku.
Il-liġi kienet ippreżentata fil-Parlament mill-Ministru għall-Ekonomija, Investiment u Negozji Żgħar Silvio Schembri u simili tagħha trid tiġi implimentata fil-pajjiżi msieħba fl-UE.
Din il-liġi taħseb għat-twaqqif ta’ bord li jkun iffurmat minn minimu ta’ ħames membri u massimu ta’ seba’ membri maħtura mill-ministru li għandu jinnomina wieħed minnhom bħala ċerpersin.
Ebda persuna ma tista’ tkun membru tal-bord jekk tkun deputat parlamentari, kunsillier, ġudikant, persuna dikjarata falluta jew persuna li tkun wettqet frodi.
L-irwol ta’ dan l-uffiċċju se jkun dak li jara investiment barrani biex dan ma jkunx ta’ periklu għall-pajjiż u jekk jara li hemm jibda investigazzjoni fejn ikollu l-poter li anke jxoljih.
Huwa jista’ wkoll jagħti multi li jvarjaw minn €1,000 għal €100,000 jekk persuna tonqos milli tipprovdi l-informazzjoni mitluba minnu.