Sunday, December 22, 2024

Under 17: Malta tikseb draw ġust u drammatiku kontra l-Maċedonja

Aqra wkoll

It-tim nazzjonali ta’ Malta ta’ taħt is-17-il sena temm l-impenji tiegħu tal-UEFA għas-sena bi draw gust u drammatiku ta’ 1-1 kontra l-Maċedonja. Kienet logħba bilanċjata li setgħet marret kull naħa, madankollu, draw jista’ jitqies bħala riżultat ġust.

Kien hemm bidla waħda biss meta mqabbel mat-telfa minima kontra s-Slovakkja nhar is-Sibt li għadda (0-1) hekk kif Jake Attard reġa’ kien mal-ewwel 11, u mela l-vojt ta’ Adam Vella fuq il-lemin.

Thomas Melillo resaq viċin li jiftaħ l-iskor għal Malta wara għaxar minuti logħob, iżda x-xutt tiegħu naqas li jinkwieta lill-goalkeeper Maċedonjan David Iloski.

Malta appellat għall-penalty man-nofsiegħa logħob meta Nathan Zerafa kien miżmum b’mod ċar fil-kaxxa iżda r-referee ma ordna l-ebda penalty.

Il-Maċedoni marru fil-vantaġġ, fit-38 minuta meta Edin Etoski xeħet bir-ras wara li rċieva minn cross ta’ Ljatifi fuq il-lemin.

Fit-tieni taqsima, Malta ħolqot diversi okkażjonijiet ta’ skor u meritatament ġabet  l-iskor indaqs permezz ta’ xutt mill-isbaħ ta’ Thomas Melillo, li ntemm fir-rokna tax-xibka.

Malta spiċċat b’għaxar plejers fil-ħin miżjud meta Sheldon Borg ġie muri t-tieni karta safra.

Malta: James Sissons, Sheldon Borg, Shelom Magri, Jayden Vella (Shaun Xiberras 69), Jake Attard, Luke Bugeja (Nathan Joyce 46), Jerome Baldacchino (Andreas Vella 46), Ismael Vella, Thomas Melillo, Claude Mercieca (Denzil Muscat 60), Nathan Zerafa (Emerson Piscopo 78) Kowċ: Francesco Macri

Ekonomija

Sport