Monday, May 13, 2024

Iqabbel l-Oppożizzjoni ma’ Humpty Dumpty

824 persuna applikaw mal-Kunsilli għal kampeġġ regolat dan is-sajf

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

“Żgur ma niħdux lezzjonijiet ta’ kif tieħu deċiżjonijiet minn fuq l-Oppożizzjoni. Anke fuq suġġett relattivament żgħir bħalma huma l-caravans u l-campers l-Oppożizzjoni toqgħod bilqiegħda fuq iċ-ċint, tkun l-ewwel waħda biex toqgħod tilmenta u tikteb biex imbagħad meta niġu għall-proposti ma nisimgħu xejn u ma jagħtu indikazzjoni fuq xejn ħlief li jixxuttjaw il-ballun ’il fuq.” . Iddikjara dan il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, il-Kultura, l-Arti u l-Kunsilli Lokali Owen Bonnici waqt id-diskussjoni tal-avviż legali tal-2023 b’rabta mat-Tqegħid Temporanju ta’ Caravans f’Lokalitajiet.

Il-Ministru Bonnici qal li dan kien avviż legali intenzjonat li joħloq bilanċ mal-interess pubbliku. Kompla biex jispjega li bil-mozzjoni tal-Oppożizzjoni ħarġet biċ-ċar id-differenza bejn iż-żewġ naħat u li mhijiex minnha l-perċezzjoni li l-politiċi kollha l-istess meta jiġu biex jieħdu d- deċiżjonijiet u li fuq kollox iħarsu li ma jniggżu lil ħadd.

Bonnici qal li kollox hu importanti imma hemm differenza bejn dan il-gvern li ħa deċiżjonijiet li parti minnhom mhumiex popolari u l-Oppożizzjoni li hija professjonista biex toqgħod bilqiegħda fuq iċ-ċint  ma tmurx tniggeż lil xi ħadd. 

Il-Ministru Bonnici qabbel l-Oppożizzjoni ma’ Humpty Dumpty fejn ippreżentat din il-mozzjoni biex twaqqaf lill-gvern milli jirregola s-settur tal-camping matul is-sajf sakemm ikompli jistudja s-sitwazzjoni u għalhekk jipposponi milli jiddeċiedi. 

“L-Oppożizzjoni qiegħda tgħidilna xxuttja l-ballun il-fuq u pposponi li tieħu d-deċiżjonijiet. U tant kemm għandna Oppożizzjoni tal-Humpty Dumpty li joqogħdu bilqiegħda fuq iċ-ċint li ppreżentaw din il-mozzjoni tant għal qalbhom fl-aħħar ġurnata qabel ma waqafna bil-vaganzi tas-sajf”, kompla l-Ministru Bonnici filwaqt li elabora li l-Oppożizzjoni biex tkompli bil-politika tagħha stenniet sakemm il-parlament jieqaf bil-btajjel tas-sajf biex xi ħaġa li kellha l-għan li tirregola l-istess xhur.  Skontu din kienet “idea ġenjali tal-Oppożizzjoni” b’tali mod li jkunu ressqu mozzjoni mingħajr ma jidhru koroh ma’ dawn id-dilettanti u jekk il-mozzjoni tagħhom tiġi biex tgħaddi, is-sajf ikun diġà għadda.

Min-naħa l-oħra l-Ministru Bonnici qal li l-gvern kellu l-kuraġġ li għall-ewwel darba jirregola settur importanti u Kunsilli Lokali ngħataw id-dritt li joħorġu permessi fejn wieħed jikkampja għax-xhur tas-sajf dawn ir-regolamenti huma speċifikament għas-sajf. 

“Kellna 824 persuna li b’mod regolat ħallsu xi ħaġa żgħira u kollox hu organizzat u regolat. Irrid ngħid ukoll li dawn il-permessi kollha jsarrfu f’2183 jum ta’ kampeġġ fis-sajf u dan juri kuntrarju ta’ dawk li qalu li aħna rridu neqirdu dan id-delizzju”, kompla Bonnici filwaqt li stieden lill-Oppożizzjoni biex imorru f’postijiet immexxija minn Kunsilli b’maġġoranza Nazzjonalista u jistaqsuhom l-opinjoni tagħhom dwar l-eżitu ta’ din id-deċiżjoni kuraġġuża.

Il-Ministru qal li jekk verament ma kinux jaqblu mal-avviż legali, in-naħa l-oħra tal-Kamra kellhom kull opportunità li jippreżentaw l-avviż legali f’Ġunju stess u mhux meta kien tard wisq biex jagħmlu dan.

“Aħna m’aħniex gvern ta’ fuq iċ-ċint għax aħna naqbdu ’l barri minn qrunu u nieħdu d-deċiżjonijiet u aħna hekk se nkomplu nagħmlu biex noħolqu bilanċ bejn id-dilettanti tal-caravans u l-campers biex dawn ikunu jistgħu jgawdu b’mod regolat u min iħobb il-baħar ikun jista’ jgawdi x-xtut sbieħ tagħna b’mod rikreattiv”, temm jgħid il-Ministru Bonnici.

Sport