Tuesday, May 14, 2024

UNL: Malta tegħleb lil San Marino b’żewġ goals fit-tieni taqsima

Aqra wkoll

San Marino …….0

Malta …………….2

Żewġ goals fit-tieni taqsima taw rebħa mistħoqqa lil Malta li għelbet lil San Marino bl-iskor ta’ 2-0 biex bdiet l-impenji tal-UEFA Nations League fuq nota mill- aktar pożittiva.  

Peró l-ewwel taqsima kie­net waħda diżappuntanti għall-Maltin għax minkejja li kienu l-aħjar team naqsu li jip­penetraw u jsibu x-xibka avversarja. 

L-objettiv ta’ San Marino kien wieħed biss … li ma joħorġux telliefa, tant, li t-tattika kienet waħda ultra difensiva fejn iddefendew b’10 players filwaqt li l-uniku attakkant kien iżolat waħ­­du. 

Iżda s-sostituzzjonijiet li wettaq il-coach, Devis Mangia, ħallew il-frott mixtieq minħabba li t-team kien wieħed trasformat. 

Għal din il-partita, Mangia kellu jgħaddi mingħajr is-servizzi tas-sospiżi, Ryan Camenzuli u Teddy Teuma.

Fil-ħinijiet bikrin tal- logħba, il-Maltin kienu territorjalment aħjar, peró bdew jaslu sa tliet kwarti ta’ ground u bdew isibu ħajt ta’ difensuri li għamluha diffiċli biex stajna nippenetraw. 

Fit-12-il minuta wasal l-ewwel ċans għall-Maltin meta Brandon Paiber niżżel lejn Dunstan Vella li b’xutt bid-dawra minn tarf il-kaxxa ż-żgħira falla l-mira bi ftit. 

Wieħed stenna li l-Maltin iżidu l-pressjoni fuq il-lasti av­versarji iżda mal-ħin bdiet tirrenja l-frustrazzjoni hekk kif kull attakk beda jinqabad f’għanqbuta difensiva bil-konsegwenza li bdew jik­kommettu żbalji elementari kif ukoll logħob konfuż. 

Fl-34 minuta waslet l-aħjar azzjoni tal-Maltin meta Brandon Paiber bidel il-ballun ma’ Adam Magri Ove­rend fejn għadda lejn Alex Satariano li rreċiprokalu lura u minn tarf il-kaxxa venven first-timer li iżda sab lill- goalkeeper Elia Benedettini attent. 

Ħames mill-ftuħ tat-tieni taqsima, is-sostitut Juan Corbolan rebaħ il-ballun fi tliet kwarti ta’ ground, qabeż żewġ difensuri u b’xutt imdawwar ġiegħel lil Benedettini jwettaq save tajjeb. 

Fl-uniku attakk perikoluż ta’ San Marino, fit-53 minuta, huma ngħataw penalty litteralment ivvintat meta Nicola Nanni deher jaqa’ waħdu minkejja li kien issikkat minn Steve Borg. Iżda wara verfikazzjoni permezz tal-VAR, ir-referee Ażeri ħassar id-deċiżjoni. 

Fid-59 minuta, il-Maltin fetħu l-iskor meta JAN BU­SUTTIL qabad ballun f’nofs il-ground … avvanza …  qabeż lil Dante Rossi … evita lil Michele Cevoli … u minn tarf l-kaxxa pplejsja l-ballun għar-rokna tax-xibka. Kien tassew Eurogoal minn dan il-figlio d’arte!

Fl-64 minuta, Matthew Guillaumier ittanta xortih mid-distanza iżda t-tentattiv tiegħu spiċċa ferm għoli. Minuta wara, minn azzjoni ta’ corner, id-daqqa ta’ ras ta’ Satariano għaddiet ftit ċentimetri fuq il-mimduda.

Fil-75 minuta, il-Maltin irduppjaw meta mill-cross perikoluż ta’ Juan Corbolan, MAT­THEW GUIL­LAUMIER laħaq qabel il-goalkeeper avversarju u b’daqqa ta’ ras stupenda xeħet il-ballun fix-xibka. 

Sport